L-Ombudsman u l-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika ħadu l-ġurament tal-ħatra fil-karigi rispettivi tagħhom.
Il-Prim Imħallef Emeritu Joseph Azzopardi ħa l-ġurament bħala Kummissarju għall-Ħarsien tal-Istandards fil-Ħajja Pubblika filwaqt li, l-Imħallef Emeritu Joseph Zammit McKeon inħatar uffiċjalment bħala Ombudsman.
Il-ġuramenti tal-ħatra ittieħdu fil-Palazz ta’ Sant Anton, quddiem il-President ta’ Malta George Vella u fil-preżenza tal-Prim Ministru, Robert Abela, tal-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati, Anġlu Farrugia, u tal-Kap tal-Oppożizzjoni, Bernard Grech.
Il-Kummissarju għall-Ħarsien tal-Istandards fil-Ħajja Pubblika, Joseph Azzopardi, stqarr li l-effiċjenza se tkun prinċipju li se jmexxih f’din il-kariga, kif mexxietu fi żmien li serva bħala Imħallef fil-Qrati Maltin.
“Fis-sbatax-il sena li domt imħallef ippruvajt nagħmel li nista’ biex inkun effiċjenti u, fil-fatt, naħseb li kont, għaliex b’kollox tajt tlett elef u seba’ mitt sentenza f’dawk is-sbatax-il sena. Naħseb li din hija t-triq ’il quddiem. Issa ħadt dan il-ġurament u nwiegħed lil kulħadd li nimxi skont dan il-ġurament li għadni kif ħadt, kif għoxrin sena ilu ħadt il-ġurament ta’ Mħallef.”
Il-Kummissarju għall-Ħarsien tal-Istandards fil-Ħajja Pubblika, Joseph Azzopardi
Min-naħa tiegħu, l-Ombudsman, Joseph Zammit McKeon, wiegħed li permezz tal-kariga l-ġdida tiegħu se jkun ta’ servizz għaċ-ċittadini kollha, ikunu xi jkunu l-isfidi li jista’ jiltaqa’ magħhom.
“Se nidħol fiż-żarbun ta’ kariga li, fil-fehma tiegħi, hija importanti ħafna għall-pajjiż. Il-ħalfa li ħlift u l-wegħda li nagħmel lill-poplu tagħna hija illi bl-aħjar abbiltà tiegħi jiena se nagħmel ix-xogħol tiegħi.”
L-Ombudsman, Joseph Zammit McKeon
Filewaqt li feraħ lit-tnejn għall-karigi rispettivi tagħhom, il-President ta’ Malta George Vella appella għall-bilanċ fix-xogħol tagħhom.
“Dan huwa bilanċ bżonnjuż biex ikollna governanze tajba li tilħaq u tasal għand kulħadd. Ħafna drabi, ikun hemm bżonn li jittieħdu deċiżjonijiet kuraġġjużi li mhux dejjem jintogħġbu minn kulħadd. Jiena dejjem insostni li dawn id-deċiżjonijiet tqal iżda neċessarji jittieħdu b’awtonomija sħiħa fuq bażi ta’ fatti, ta’ riċerka, u ta’ verifika, mhux fuq spekulazzjoni, li l-istituzzjoni li tkun ħadithom ikollha s-saħħa u s-serenità li tibqa’ tiddefendi l-pożizzjoni tagħha sal-aħħar.”
Il-President ta’ Malta George Vella