Malta rċeviet l-ewwel pagament ta’ €52.3 miljun f’għotjiet taħt il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza tal-Unjoni Ewropea, magħruf bħala l-RFF.
Dan tħabbar fi stqarrija mill-Gvern, li fiha ġie spjegat li l-Kummissjoni Ewropea għaddiet dan il-pagament wara li pajjiżna laħaq il-miri u wettaq ir-riformi maqbula mal-Kummissjoni Ewropea.
Il-pagamenti taħt l-RRF huma bbażati fuq ir-riżultati miksuba u jiddependu fuq l-implimentazzjoni tal-investimenti u r-riformi deskritti fil-pjanijiet rispettivi tal-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea għall-Irkupru u r-Reżiljenza.
B’kollox, pajjiżna laħaq 19-il stadju u mira importanti li jinkludu miżuri importanti bħall-adozzjoni ta’ strateġija biex jitnaqqas l-iskart permezz tar-riċiklaġġ fis-settur tal-kostruzzjoni, l-introduzzjoni ta’ faċilitajiet għall-uffiċini li jippermettu lill-impjegati taċ-ċivil jaħdmu bir-remote working, riformi biex tingħata spinta lir-riċerka u l-investimenti industrijali, strateġija nazzjonali kontra l-frodi u l-korruzzjoni, riformi għad-diġitalizzazzjoni tas-sistema ġudizzjarja, u ħatriet ta’ mħallfin u maġistrati addizzjonali fil-Qrati ta’ Malta.
Il-Ministru għall-Ekonomija, il-Fondi Ewropej, u l-Artijiet, Silvio Schembri, qal li dawn il-fondi huma xhieda tal-ħidma kbira li wettqet Malta biex jiġu implimentati numru ta’ proġetti li qegħdin jgħinu b’mod konkret lill-pajjiżna
Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej, Chris Bonett, fakkar li f’Jannar li għadda l-President tal-Kummissjoni Ewropea, Ursula von der Leyen, faħħret il-ħidma tal-gvern Malti u tat ċertifikat pożittiv għall-ħidma u l-isforzi li wettaq pajjiżna.
“Illum daħlu fil-kaxxa ta’ Malta €52.3 miljun. Issa m’għadniex se nitkellmu fuq li se nirċievu l-flus jew li qed ninnegozjaw il-flus. Issa effettivament daħlu l-flus. Dan huwa ċertifikat ieħor ta’ kemm il-gvern Malti qed jagħmel xogħol tajjeb bit-twettiq ta’ dan il-pjan għax kieku, ovvjament, kieku x-xogħol mhux qed tagħmlu tajjeb, il-flus ma jidħlux u din hija relazzjoni li bnejna mal-Kummissjoni Ewropea u se nkomplu nibnuha fiż-żmien li ġej.”