Mosta Cycling Club ser jorganizza t-tellieqa annwali tiegħu taċ-ċikliżmu nhar il-Ħadd 12 ta’ Marzu fuq il-By Pass ta’ Haż-Żebbuġ.
It-Tellieqa se tkun qed tirritorna wara assenza ta’ tliet snin minħabba l-pandemija u tibda fis-0700 ta’filgħodu. Il-klabbs lokal taċ-ċikliżmu se jkunu qed jieħdu sehem u mistennija tkun tellieqa ikkontestata ħafna.
It-tiġrija se tieħu format mass start bil-Kategoriji Elite, Junior u Under 23, jagħmlu 18-il dawra (77.4km), Ladies u Masters 40+ se jkopru 14-il dawra, filwaqt li l-kategoriji Under 16, Under 14 u Under 12 jagħmlu 7 (30km) , 5 (21.5kms) u 1 (4.3km) dawriet rispettivament.
“Wara assenza daqshekk twila, ninsabu ħerqana li nerġgħu norganizzaw din it-tellieqa u nilqgħu fostna ċiklisti. Huwa partikolarment sinifikanti għalina wkoll, li din is-sena l-Klabb qed jiċċelebra s-70 Anniversarju tiegħu” ikkummenta Edward Enriquez, President, Mosta Cycling Club.
It-Tellieqa qed issir taħt l-awspiċji tal-Federazzjoni Maltija taċ-Ċikliżmu.
Ilk-pubbliku hu mitlub sabiex jevita l-bypass ta’ Haż-Zebbuġ nhar il-Ħadd li ġej bejn is-7:00 u l-10.30 ta’ filgħodu.