Miexi ġmielu x-xogħol fuq il-proġett taċ-Ċentru Akwatiku u Sportiv fir-Rabat Għawdex, hekk kif tlestiet il-fażi tat-tisqif.
Ħabbar dan il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri, fejn spjega kif dan il-kumpless huwa mifrux fuq aktar minn 5,000 metru kwadru ta’ art fil-qalba tal-gżira Għawdxija.
Il-Ministru saħaq li l-Gvern huwa kommess biex dan l-ewwel proġett tax-xorta tiegħu jibda jitgawda minn kulħadd is-sena d-dieħla.
Dan il-proġett, li qed jitqies bħala l-akbar investiment sportiv li qatt sar f’Għawdex, se jinkorpora fih pixxina ta’ daqs olimpiku u żieda ta’ aktar faċilitajiet sportivi fil-Padiljun Sportiv. Fost l-oħrajn insibu dawk għall-ġinnastika, basketball u faċilitajiet oħra fejn jista’ jintlagħab sport ieħor fuq ġewwa. Iċ-ċentru sportiv se jkun mgħammar ukoll b’faċilitajiet tal-aqwa livell għal kull min jagħmel użu minnu, fosthom b’kmamar tal-ewwel għajnuna.
Il-kumpless sportiv se jwassal ukoll għal aktar tkabbir ekonomiku f’Għawdex, hekk kif se joħloq niċeċ ekonomiċi ġodda billi jattira atleti u gruppi professjonali barranin sabiex jagħmlu użu minn dan il-kumpless ġdid f’Għawdex.
Fi żjara li kien għamel il-Prim Ministru f’dan iċ-ċentru, sostna li l-isport għandu jkun parti integrali mill-ħajja tan-nies u dan il-proġett se joffri l-atleti Għawdxin u oħrajn kumpless akwatiku u sportiv tal-ogħla livell fejn jistgħu jipprattikaw id-dixxiplina sportiva tagħhom.