Fit-tieni jum tal-Kampjonat Ewropew li qed isir f’Malta, kien hemm stennija għal min kien ser jirnexxielu jikkwalifika għall-ewwel finali ta’ din l-edizzjoni, dik ta’ Taħt is-16-sena.
Din il-kompetizzjoni issuktat bil-kwarti finali u s-semi finali.
Is-semi finali ġew ikkontestati bejn Andrejs Pripjoks (Latvja) kontra Jack Borwick (Skozja) u Maksim Kostov (Bularija) kontra O`Shay Scott (Ingilterra) fejn Borwick u Kostov kellhom rebħiet konvinċenti bi skor identiku ta’ 3-0 biex għada dawn dawn iż-żewġ żgħażagħ jissiltu għall-ewwel unur ta’ dawn il-kampjonati.
Din il-finali għada ser tintlagħab fis-6 p.m. It-Tlieta bdiet ukoll il-kompetizzjoni ta’ Taħt it-18-il sena u l-logħbiet tal-gruppi jkomplu l-Erbgħa fejn anke’ l-kontestanti Maltin f’din il-kategorija li huma Jamie Buhagiar, Adam Pace, Luke Pace u Xavier Rizzo jkollhom logħba oħra x’jilgħabu.
Mill-fażi tal-gruppi għan-Knock Out ser jikkwalifikaw 48 player. Waqt il-logħbiet tat-Tlieta ġie rregistrat l-ewwel ‘century’ tal-kampjonat fejn fil-kategorija ta’ Taħt it-18-is-sena Iulian Boiko tal-Ukranja għamel break ta’ 107 għalkemm aktar tard wara nofs in-nhar l-Ingliż Liam Pullen wettaq break aħjar, dak ta’ 111.
Mill-kompetizzjonijiet taż-żgħażagħ ikun jonqos ukoll dik ta’ Taħt il-21 sena fejn l-ewwel logħbiet f’din il-kategorija jibdew il-Ħamis u 96 player huma rregistrati biex jieħdu sehem.