Tlestew 90 fil-mija tal-proġett tal-parkeġġ il-ġdid qrib il-Port Ħieles f’Birżebbuġa, b’investiment ta’ €3.2 miljun.
Il-parkeġġ se jkun imqassam fuq tliet sulari u se jkun hemm spazju għal 430 vettura.
Dan il-parkeġġ ġdid f’Birżebbuġa se jkun utli mhux biss għall-ħaddiema tal-Port Ħieles, iżda wkoll għal dawk kollha li joqogħdu jew iżuru din il-lokalità.
Il-livell t’isfel se jkun dedikat għall-ħaddiema tal-Port Ħieles filwaqt li ż-żewġ livelli l-oħra se jinfetħu għall-pubbliku inġenerali.
Il-proġett huwa iffinanzjat mill-Malta Freeport, b’ħidma konġunta ma’ Projects Plus Ltd, l-entità responsabbli mill-ħruġ tat-tender u mill-implimentazzjoni tal-proġett.
Dan il-parkeġġ se jkollu wkoll charging points għall-vetturi elettriċi li se jkunu disponibbli fuq kull sular tal-parkeġġ
David Magro, li huwa l-Kap Eżekuttiv tal-Malta Freeport Corporation, spjega li l-parkeġġ se jkun qed joffri soluzzjoni għall-ħaddiema tal-Port Ħieles, għar-residenti u għall-ħaddiema tan-negozji ta’ dan ir-raħal, kif ukoll għal mijiet ta’ nies li jżuru dawn l-inħawi fis-sajf.
“Hanwhekk hawn workforce ta’ 1,600 ruħ, u allura tista’ timmaġina l-ispazju. Hafna minnhom jiġu bil-karozzi. Dan il-proġett se jkun ta’ solljiev li dak li jkun ma jridx joqgħod idur madwar Birżebbuġa, li apparti li huwa inkonvenjent anke għar-residenti. Dan se jnaqqas l-iskariġġ.”
Il-Ministru responsabbli mill-Ekonomija, Silvio Schembri, iddeskriva l-proġett bħala ekonomija ta’ ġid għal kulħadd.
Huwa spjega li l-Port Ħieles jikkawża inkonvenjenza għar-residenti, u allura dawn iridu jiġu kumpensati kemm bl-iskema tad-double glazing kif ukoll bl-investiment tal-parkeġġ.
“Il-proġett tal-parkeġġ huwa wieħed mid-diversi proġetti li qegħdin nagħmlu f’din il-lokalità. Fil-fatt, fl-2017 kienet saret konsultazzjoni mar-residenti ta’ Birżebbuġa biex naraw xi jridu, u kien ġie identifikat il-bżonn ta’ parkeġġ f’din iż-żona. Issa qed naraw parkeġġ mifrux fuq ħamest elef metru kwadru fuq tliet sulari sabiex jiġu kkreati ’l fuq minn 400 parkeġġ ġdid.”