Raġel ta’ 39 sena minn Ħaż-Żebbuġ baqa’ jinżamm arrestat wara li allegatament hedded lil se jitfa’ l-aċtu fuq l-ex mara tiegħu wara li din akkużatu li kellu affari mas-segretarja tiegħu.
L-imputat, li jaħdem bħala xufier tat-trakkijiet, kien akkużat li ta fastidju, hedded, u kkawża biża’ lil martu li se tkun suġġett ta’ vjolenza.
Huwa kien akkużat ukoll li segwiha, uża ħażin apparat telekomunikattiv, kif ukoll li kiser il-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest u li hu riċediv.
Fil-Qorti nstema’ kif il-Pulizija rċeviet rapport li r-raġel kien hedded lill-eks mara tiegħu bosta drabi li kien se jitfgħalha l-aċtu kif ukoll li intimida lilha u lil ommha.
Huwa ġie arrestat nhar is-Sibt wara li kien hemm mandat ta’ arrest fil-konfront tiegħu.
Waqt l-interrogazzjoni huwa ammetta mal-Pulizija dwar uħud mill-messaġġi li allegatament bagħat iżda stqarr li kienu ntbgħatu fid-dagħdiha tal-mument filwaqt li qal li qatt ma refa’ idejh fuq l-allegata vittma.
Huwa qal li talab lura lill-mara l-ġojjellerija li kien xtralha bħala rigali u li wara li din tirritornhom ma kienx se jaraha aktar.
It-talba għall-ħelsien mill-arrest tiegħu ma ntlaqgħetx mill-Qorti, li ma kinitx konvinta li l-akkużat se jobdi l-kundizzjonijiet imposti fuqu.
Ritratt: Indian Express