Il-protesti tal-istudenti fis-Snin 60, il-Beatles, taqlib soċjali kull fejn tħares u ma’ kull fejn tmiss, l-imħabba, s-sens ta’ iżolament u sfidi oħra li jsibu ma’ wiċċhom – anki llum – iż-żgħażagħ kullimkien fid-dinja, huma l-ingredjenti ta’ dan ix-xogħol letterarju ġdid bil-Malti.
Norwegian Wood huwa rumanz modern tal-awtur ċelebri Ġappuniż Haruki Murakami, xogħol li tah isem madwar id-dinja u saħansitra inqaleb għal diversi lingwi. Issa l-Malti, żgħir imma maħbub, qed jieħu postu magħhom.
Ta’ min jgħid li Murakami kien żar Malta fl-1987 u eventwalment għamel riferenza għall-Gżejjer tagħna fil-ktieb tiegħu Wind-Up Bird Chronicle. Hu magħruf li Murakami nnifsu, permezz tal-aġenti tiegħu, feraħ meta sar jaf bit-traduzzjoni tal-ktieb tiegħu għall-Malti u, fejn jidħlu jeddijiet, wera ruħu mill-ewwel lest jifhem iċ-ċokon tas-suq tal-ktieb Malti.
Norwegian Wood jilħaq lil ġenerazzjonijiet diversi. Kemm dawk li għexu s-Snin 60 u għadhom nostalġiċi għal dak kollu li, fit-tajjeb u l-ħażin, raw iseħħ, kif ukoll għal dawk il-ġenerazzjonijiet ta’ wara li jħobbu l-ġrajja ta’ missirijiethom u nanniethom, esperjenzi li llum huma parti sħiħa mill-istorja dinjija.
Charles Flores qaleb ix-xogħol ta’ Murakami mill-Ingliż, ħerqan li joħloq ħolqa letterarja bejn Malta u l-Ġappun, iżda lil hinn minn tentattivi sbieħ u iżolati li saru fl-imgħoddi bil-kitba tal-forom poetiċi Ħajku u Tanka. Li llum il-Malti għandu dan ir-rumanz famuż mill-Ġappun mhux biss hija kisba oħra għal Ilsienna, iżda anki riflessjoni tar-rabtiet qawwija bejn iż-żewġ pajjiżi, maqtugħin minn xulxin b’xejn inqas minn għaxart elef kilometru.
Norwegian Wood jinsab għall-bejgħ mill-ħwienet tal-kotba kollha kif ukoll direttament mingħand Horizons fuq horizons.com.mt