Wara l-gwerra, mijiet ta’ tfal intbagħtu lejn l-Awstralja għand il-patrijiet biex ikollhom ħajja aħjar, iżda sabu destin ikrah jistennihom.
Din hija l-istorja tal-aħwa Peter, Raphael u Manny Ellul minn Bormla, li hija rrakkontata fil-film ta’ Dery Sultana, bl-isem ta’ ‘Who Would You Tell?’
Dawn it-tlett itfal ġew abbużati minn saċerdoti f’istituzzjonijiet tal-Knisja fil-Punent u n-Nofsinhar tal-Awstralja.
ONE News tkellem mad-Direttur tal-film, Dery Sultana.
Qal, “Din hija storja li dawn it-tlett itfal ippruvaw jgħiduha kemm-il darba meta kienu tfal u qalgħu daqqa ta’ ħarta litteralment meta marru jirrappurtaw lill-pulizija u fl-aħħar issa għandhom opportunità li toħroġ l-istorja.”
Din il-ġrajja fiha ħafna rakkonti storiċi.
Stqarr, “L-istorja minsuġa f’ħafna affarijiet storiċi, għandi l-Monsinjur Philip Calleja, waħda mill-aħħar intervista li ta qabel ħallina, li hu kien involut f’din l-iskema fi żmienu, għandi fiha lil Henry Frendo li huwa storiku, għandi ħafna elementi storiċi. Barra minn hekk, għandek tlett itfal, għandi nsejħilhom tfal minkejja li għandhom 70 sena, li qed jgħidulna l-istorja tagħhom u kif affetwathom.”
Aktar informazzjoni: http://www.whowouldyoutell.com