Is-sena li għaddiet, fil-laboratorji tal-Viroloġija fl-Isptar Mater Dei, saru numru rekord ta’ testijiet.
Fil-fatt, fl-elfejn u tnejn u għoxrin, saru aktar minn mija u disgħa u sittin elf test, filwaqt li s-sena ta’ qabel, li wkoll rat żieda fuq is-snin preċedenti, saru kważi mija u sittin elf test.
Dawn il-laboratorji ilhom għal numru ta’ snin jingħataw ċertifikat ta’ eċċellenza mill-Għaqda Dinjija tas-Saħħa għall-kwalità li joffru fejn jidħlu r-riżultati tat-testijiet.
Dan iċ-ċertifikat ta’ akkreditazzjoni reġa’ ġġedded, biex il-laboratorji Maltin għamluha ma’ tmienja u sittin oħra minn madwar id-dinja li huma akkreditati mill-Għaqda Dinjija tas-Saħħa għall-kwalità li joffru.
Dr Chris Barbara, iċ-Chairperson Kliniku tad-Dipartiment tal-Patoloġija fl-Isptar Mater Dei, spjega kif din is-sena, bdew isiru testijiet għal aktar infezzjonijiet, anki grazzi għall-introduzzjoni ta’ apparat mediku ġdid li jżid l-effiċjenza u l-produttività.
Fil-fatt, issa Malta qed taħdem id f’id mal-Għaqda Dinjija tas-Saħħa biex jitrażżnu l-infezzjonijiet tal-ħożba, tal-influwenza u tal-ħożba Ġermaniża.
Qal, “Dawn l-infezzjonijiet jistgħu jittieħdu b’mod respiratorju u għalhekk meta jkun hemm xi infezzjoni, mhux biss nippruvaw inrażżnuha bi prevenzjoni billi dak li jkun jieħu t-tilqim, imma jkun hemm xi każ li jkun suspettat, f’dak il-każ jittieħdu t-testijiet mid-Diviżjoni tas-Saħħa Pubblika u ġo dawn il-laboratorji ssir analiżi biex dak li jkun insibu li jkun infettat u ma tħallihx ixerred il-mikrobu.”
Huwa spjega s-sinifikat ta’ dan iċ-ċertifikat ta’ eċċellenza mill-Għaqda Dinjija tas-Saħħa.
Stqarr, “L-Għaqda Dinjija tas-Saħħa għażlet numru ta’ laboratorji madwar id-dinja kollha fejn għamlet tip ta’ akkreditazzjoni, jiġifieri inti qiegħed temmen li r-riżultat ikun ta’ kwalità u għandna xi ħamsa u għoxrin laboratorju mill-Ewropa u disgħa u disttin mad-dinja kollha, li huma akkreditati mal-Għaqda Dinjija tas-Saħħa.”
Ir-riżultat tat-testijiet ta’ rutina, ħlief għal xi wħud partikolari, jinħarġu fl-istess jum li jsiru, u allura dan jissodisfa sew il-kriterji tar-rekwiżiti mill-Għaqda Dinjija tas-Saħħa, li tgħid li r-riżultati għandhom jinħarġu sa erbat ijiem wara li jsiru t-testijiet.
L-assigurazzjoni tal-kwalità fil-laboratorji hija kruċjali biex wieħed jifhem l-impatt ta’ programmi ta’ vaċċinazzjoni f’pajjiż fuq il-prevelanza u t-tixrid tal-mard.