Ir-rata tal-obeżità f’pajjiżi żviluppati u f’dawk li għadhom qed jiżviluppaw, kibret b’erba’ darbiet mis-sena elf, disa’ mija, ħamsa u sebgħin u b’ħames darbiet fit-tfal u l-adoloxxenti.
Nhar l-erbgħa ta’ Marzu jiġi ċċelebrat il-Jum Dinji tal-Obeżità fejn ħafna drabi jintefa’ dawl u jinxtered għarfien dwar kif in-nies jistgħu jħaddnu piż tajjeb għall-benesseri tagħhom.
Fl-iskola primarja tar-Rabat rappreżentanti mill-Assoċjazzjoni Maltija tal-Futbol emfasizzaw l-importanza tal-isport f’ħajjet it-tfal.
Preżenti kien hemm Alan Camilleri li huwa atleta u referee li qasam l-esperjenza personali tiegħu mal-obeżità.
Camilleri stqarr, “Jien fi żmien l-iskola kont persuna obeża, ma kontx nipprattika l-ebda sport, irrealizzajt li nixtieq nagħmel xi ħaġa għalija. Bdejt il-karriera ta’ referee tal-futbol, bdejt ukoll nagħmel il-maratoni tal-ġiri u llum il-ġurnata nipprattika l-isport kuljum.”
Camilleri sostna li l-isport mhux biss jgħin fiżikament iżda anki mentalment.
Dawn ir-rappreżentanti kienu fost tliet klassijiet tal-Year 4 li qed jipparteċipaw fil-proġett pilota Fun Fit 5. Dan il-proġett qed jistudja ħamsa u erbgħin student minn tlett iskejjel differenti li qed jagħmlu attività fiżika tliet kwarti kuljum.
Waħda mill-għalliema qalet, “L-eżerċizzju fiżiku huwa importanti ħafna għat-tfal u anki meta t-temp ikun ħażin jirnexxielna nagħmlu xi ħaġa fil-klassi.”
L-istudju se jiġi mistħarreġ minn riċerkaturi fl-MCAST.