Id-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi se jagħmel xogħol estensiv fuq il-kappella tas-Sagra Familja f’Birżebbuġa.
Dan se jsir b’investiment ta’ aktar mitt elf ewro u se jkopri d-disinn u l-bini mill-ġdid ta’ żewġ kampnari u portiku.
Dan ix-xogħol se jsir wara ftehim li se jagħti dehra ġdida lil din il-ġawhra storika ta’ nofs is-seklu dsatax fil-qalba tar-raħal.
Il-Kappillan ta’ Birżebbuġa, Dun Anton Galea Scannura, saħaq fuq l-importanza ta’ din il-kappella għall-parroċċa ta’ din il-lokalità.
Qal, “Huwa post li dejjem baqa’ jintuża, illi għadu s’sissa jintuża għall-katekeżi, jintuża għat-talb, jintuża biex ikollna l-laqgħat marbutin mal-ħajja tal-parroċċa fih, u huwa post li jfisser ħafna għalina.”
Vince Centorino, li huwa responsabbli minn dan il-proġett, qal li fis-sebgħinijiet il-Gvern kellu jħott il-kampnari minn din il-kappella minħabba li ma kienux siguri.
Stqarr, “U llum, iktar minn 40 sena wara, il-Gvern qed jerġa’ jieħu ħsieb biex nerġgħu ntellgħu dan il-portico sabiħ ħafna u l-kampnari, li jagħmlu din il-kappella totalment differenti f’dak li jirrigwardja l-estetika u l-linji tal-arkitettura.”
Preżenti għal dan Il-ftehim kien hemm il-Ministru responsabbli mix-Xogħlijiet Pubbliċi, Stefan Zrinzo Azzopardi.
Qal, “Dan huwa proġett li se jkun qed iseħħ wara li, madwar 50 sena ilu, dan il-portico kien tneħħa għar-raġunijiet ta’ sigurtà u llum l-Public Works se jkun qed jerġa’ jibni dan il-portico mill-ġdid biex din il-kappella terġa’ tilħaq is-sbuħija oriġinali tagħha.”