Il-linja tal-ajru Eurowings ħabbret l-iskeda tagħha għas-Sajf li ġej minn u lejn l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta.
Eurowings se tkun qed tagħmel tliet titjiriet bir-ritorn fil-ġimgħa minn żewġ ajruporti.
Fil-fatt, minn Mejju se jibdew l-ewwel titjiriet lejn Düsseldorf, il-Ġermanja, kull nhar ta’ Sibt. Imbagħad, f’Ġunju, l-Eurowings se żżid titjira oħra fil-ġimgħa, nhar ta’ Tlieta.
Barra minn hekk, minn Mejju l-istess linja tal-ajru se tkun qed ittir darba fil-ġimgħa lejn l-Ajruport ta’ Hamburg, fil-Ġermanja, b’titjira bir-ritorn kull nhar ta’ Ħadd.
Min-naħa tiegħu, il-Ministru għat-Turiżmu, Clayton Bartolo, laqa’ b’sodisfazzjon din l-aħbar permezz tal-midja soċjali.
Din l-aħbar ġiet wara li f’Ottubru tas-sena li għaddiet Eurowings Europe Limited irċeviet l-Air Operator’s Certificate mid-Direttorat tal-Avjazzjoni fi ħdan it-Trasport Malta.
Dakinhar il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali, Aaron Farrugia kien stqarr kif l-interess ta’ din il-linja tal-ajru juri l-futur sabiħ ta’ pajjiżna fis-settur tal-avjazzjoni.