Tħabbar investiment ta’ sittin elf ewro li se jservi għal titjib infrastrutturali fis-serer u fix-shadehouse fi ħdan id-Direttorat għas-Saħħa u l-Ħarsien tal-Pjanti filwaqt li nxtrat vettura elettrika li se twassal għal anqas tniġġis fl-arja.
Ħabbar dan il-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd, u d-Drittijiet tal-Annimali, Anton Refalo, waqt żjara fi ħdan id-Direttorat.
Il-Ministru Refalo ħabbar ukoll inizjattiva li qed titwettaq minn dan id-direttorat fejn, permezz tal-laboratorju u ta’ faċilitajiet oħra, ġew imkabbra mijiet ta’ siġar tat-tut u taċ-ċawsli sabiex jiġi kumpensat it-telf li s-settur ġarrab wara li fl-aħħar snin feġġ insett ġdid f’pajjiżna li qered għadd kbir ta’ siġar tat-tut u ċ-ċawsli.
Huwa qal li dan l-investiment huwa turija ċara li l-gvern impenjat li jkompli jinvesti f’dan is-settur u se jwassal sabiex id-direttorat ikompli jkun ta’ assistenza għas-settur agrikolu.
Min-naħa tiegħu, id-Direttur tad-Direttorat għas-Saħħa u l-Ħarsien tal-Pjanti, Dennis Sciberras, saħaq dwar l-importanza tal-ħidma tad-direttorat u rrimarka li l-produzzjoni ta’ varjetajiet Maltin ta’ siġar huwa importanti għar-reżiljenza li pajjiżna jrid jibni, anke biex jilqa’ għat-tibdil fil-klima.