Patrick Mercieca baqa’ jinżamm arrestat wara li tressaq il-Qorti akkużat b’importazzjoni, konġura u pussess aggravat tad-droga, fost oħrajn.
Ir-raġel ta’ 43 sena minn Ħaż-Żabbar tressaq quddiem il-Maġistrat Rachel Montebello.
Il-validità tal-arrest ma ġietx ikkontestata mid-difiża.
Il-Prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispetturi Mark Anthony Mercieca u John Leigh Howard spjegat kif Investigazzjonijiet intensivi dwar allegat importazzjoni ta’ droga, wasslet għal sejba ta’ madwar 6kg droga suspettata kannabis u għall-arrest ta’ żewġ persuni.
Wara informazzjoni li d-droga allegatament kienet qiegħda tinġarr fi trailer bħala parti minn merkanzija, it-Tlieta filgħodu, il-Pulizija segwiet l-imsemmija vettura sakemm twaqqfet flakwati ta’ Ħal Far.
Minn tfittxija li saret fit-trailer, bl-assistenza tad-Dipartiment tad-Dwana, il-Pulizija sabet ddroga moħbija ġo friġġ li kienet parti mill-istess merkanzija. Ix-xufier ta’ 53 sena ġie arrestat, waqt li aktar tard, ġie arrestat raġel ieħor ta’ 43 sena.
Quddiem l-akkużi miġjuba kontrih l-imputat wieġeb mhux ħati.
Wara li l-Qorti rat it-talba tal-Prosekuzzjoni għall-ħruġ ta’ ordni ta’ qbid u ffriżar, laqgħet it-talba.
Dwar it-talba tal-ħelsien mill-arrest, l-avukat tal-imputat sostna li l-provi marbuta mal-każ huma priservati filwaqt li l-imputat innifsu kkopera mal-Pulizija kull fejn hemm bżonn. Apparti minn hekk id-difiża aċċennat ukoll għall-kondotta nadifa tal-imputat.
Minn naħa tagħha l-Prosekuzzjoni oġġezzjonat għal din it-talba hekk kif irrimarkat in-natura gravi tal-akkużi li qed jiġi mixli bihom l-imputat. Sostniet ukoll li dwar dan il-każ hemm probabbiltà li jitressqu l-Qorti persuni oħrajn.
Fid-dawl ta’ dan il-Qorti ċaħdet it-talba tad-difiża biex b’hekk l-akkużat baqa’ jinżamm arrestat.