Malta kompliet issaħħaħ ir-reputazzjoni internazzjonali tagħha.
Dan intqal mill-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ, Ian Borg, f’intervista ma’ ONE News, hekk kif intemmet il-Presidenza Maltija tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti, li kienet matul ix-xahar ta’ Frar.
Il-Ministru Borg osserva li l-Presidenza Maltija ġiet imfaħħra minn bosta.
Stqarr, “Il-Presidenza ġiet imfaħħra minn kważi kulħadd u anki għadni nirċievi messaġġi, inklużi l-Ambaxxaturi tagħna mqassmin madwar id-dinja, fejn jgħiduli kemm hemm rispons tajjeb. Allura, għall-mistoqsija tiegħek, nazzarda ngħid li, iva, ir-reputazzjoni ta’ Malta kompliet issaħħet fl-aħħar ġimgħat barra l-pajjiż.”
Il-Ministru Borg saħaq fuq ix-xogħol brillanti li qegħdin jagħmlu d-diplomatiċi Maltin, kemm lokalment kif ukoll fi New York, b’dawn tal-aħħar immexxija mir-Rappreżentanta Permanenti ta’ Malta għan-Nazzjonijiet Uniti fi New York, Vanessa Frazier.
Qal, “U naħseb, waqt ix-xahar ta’ Frar, urejna lid-dinja li għandna diplomatiċi u uffiċjali tajbin illi jistgħu jservu f’dan iż-żmien ta’ sfidi kbar, b’mod partikolari għax aħna favur il-paċi u mhux il-gwerer u għandna proprju l-prinċipju tan-newtralità li jiggwida l-politika internazzjonali tagħna.”
Hawnhekk, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin sostna li Malta tosserva t-trattati u l-liġijiet internazzjonali, bħalma għandu jagħmel kull pajjiż ieħor madwar id-dinja.
Stqarr, “Din mhix kwistjoni ta’ aħna favur xi pajjiż jew ieħor. Aħna favur dak li hu sewwa u ma ddejjaqniex ngħiduh u nuruh bil-fatti waqt il-Presidenza.”
Il-Ministru Ian Borg qal li Malta se tkompli taħdem u twassal il-messaġġ tagħha tal-paċi fil-Kunsill tas-Sigurtà, li hu organu ta’ importanza politika internazzjonali kbira.
Malta se jkollha mill-ġdid il-Presidenza tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti f’April tas-sena d-dieħla.
Qalilna, “Bħalma għamilna din id-darba, se nkunu qed naħdmu, nippreparaw. Nippreparaw il-prijoritajiet tagħna. Però, jista’ jkun li, kif ġara din id-darba wkoll, dak li tippjana mhux neċessarjament ikun l-iżjed li jingħata attenzjoni, għaliex il-gwerra fl-Ukrajna u l-anniversarju tas-sena minn din l-invażjoni illi esperjenzaw l-Ukreni ħadet over, ħadet l-attenzjoni kollha, u allura rridu nkunu preparati għal dak kollu li jista’ jinqala’.”