Fil-Qorti llum instema kif xufier tat-taxi li wassal lura d-dar lit-3 irġiel akkużati li taw daqqiet ta’ sikkina fatali lil Josef Rivas fil-5 ta’ Diċembru tal-2022, sostna li nstemgħu ppanikjati.
L-imputati huma Ilie Constantin, Ionut Iulian Tanase, u Dan-Andrei Tanase.
Fis-seduta tal-lum bħala parti mill-Kumpilazzjoni tax-xhieda, ngħataw diversi xhieda kontra l-imputati.
Quddiem il-Maġistrat Nadine Lia uffiċjali tal-Pulizija mill-iskwadra tal-omiċidji spjegaw li fost oħrajn tkellmu ma’ diversi persuni, anke prostituti, li kienu jgħixu f’appartament f’Paceville u li kien indikat lill-Pulizija li kellu rabta mal-aggressuri.
Wieħed mix-xhieda spjega wkoll kif minn filmati tas-CCTV juru lill-imputati jidħlu fl-istess appartament, qabel ma’ jidħlu f’taxi. Uffiċċjal partikolari spjega wkoll li kien hemm qtar tad-demm barra l-appartament, ġewwa fih u anke instabet hoodie bid-demm fiż-żibel.
Ix-xufier tat-taxi, fix-xhieda tiegħu, irrimarka l-aġir panikuż tal-imputati malli daħlu fil-karozza hekk kif saħansitra għajtu miegħu biex isuq. Huwa nnota wkoll li wieħed mill-imputati qalli minn fejn jgħaddi b’tali mod li jevita x-xena fejn seħħ il-każ. Huwa nnota wkoll li wieħed mill-imputati kien qed izappap.
Mistoqsi mill-avukat tad-Difiża Franco Debono, jekk l-imputati kienu imbeżżgħin jew panikużi, ix-xhud sostna li kienu panikużi.