Fil-Jum Dinji li jirrikonoxxi l-irwol u l-importanza tal-ħaddiema tal-Protezzjoni Ċivili, ONE News esperjenza mill-qrib xi jfisser li tkun uffiċjal mad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili.
Bdejna billi lbisna l-uniformi u t-tagħmir protettiv li l-uffiċjali jilbsu kull meta jkunu msejħa biex jassistu f’xi operazzjoni tas-salvataġġ.
Imbagħad tlajna f’waħda mill-vetturi tat-tifi tan-nar fejn fuq wara tal-vettura, ilbisna ċ-ċilindru li jagħti n-nifs lill-ħaddiema li jkunu qed jissieltu man-nirien biex jitfuhom u jsalvaw il-ħajjiet.
Malli nżilna mill-vettura, ilbisna l-maskra tal-ossiġnu u morna ħdejn kontejner li jintuża apposta f’eżerċizzji simili mar-rekluti biex jifhmu l-ambjent f’post li jkun iddominat min-nar. Fih tkebbsu l-fjammi billi tqabbad xi njam u kartun.
Iċ-Chief Assistant Rescue Officer, Anthony Pisani spjegalna dak li konna se nesperjenzaw minn qabel.
“Illum ħa ndaħħlukom f’kontejner li ġie kkonvertit f’compartment li fih intellgħu t-temperatura u ngħallmu lin-nies tagħna kif jikkontrollaw it-temperatura għax jekk inti jkollok temperatura għolja u allura taqbad tidħol hemm ġew u tiftaħ l-ilma, ftakru li l-ilma 100 degrees isir steam, it-temperatura li jkollok ġo dal-compartment li kapaċi taqbeż it-200 degrees celcius, malli inti tiftaħ l-ilma, ħa tispiċċa tinstamat inti li tkun qiegħed hemm ġew, allura aħna ngħallmu n-nies li jikkontrollaw l-ilma, jużaw l-ilma kif suppost.”
Filwaqt li ħafna jaħsbu li tkun taħdem mal-Protezzjoni Ċivili jfisser li titfi n-nar, is-Sur Pisani spjegalna kemm il-ħidma tal-uffiċjali tmur ferm lil hinn minn hekk.
“Fuq it-televixin jarawna nitfu n-nar biss, jew jekk ikun hemm xi salvataġġ noħorġu fuqu wkoll, biss nagħmlu ħafna iktar xogħol. Nagħmlu l-abseiling, nies jinqabdu taħt it-terrapien, tafu Malta għaddiet minn ħafna ilma u xita u konna msejħa anki nippumpjaw ilmijiet minn ġo basements, u xi ħaġa li ħadd ma jaf, li ġieli morna intervjenejna fis-silenzju, jekk jaqbad vapur fil-Mediterran, noħorġu fuqu aħna wkoll.”
Biex wieħed jingħaqad ma’ dan id-Dipartiment, irid japplika meta joħorġu s-sejħiet fuq il-gazzetta tal-Gvern.
Dawk eliġibbli biex japplikaw irid ikollhom bejn tmintax u erbgħin sena.
Meta jagħlqu l-applikazzjonijiet, issir għażla bbażata fuq ċertu kriterji.
“Malli n-nies jintagħżlu, isirilhom medical test biex jaraw li huma fit biex jagħmlu dak ix-xogħol. Ovvjament, mhux tajjeb li tkun għal fireman jekk inti tibża’ mill-għoli għax xogħolna huwa li nitilgħu fil-għoli. Ma tkunx tajjeb jekk tibża’ mid-dlam għax ma jkunx xogħlok. Ma tkunx tajjeb jekk kif titfa’ maskla ma’ wiċċek titwerwer minnha, jiġifieri dawn huma affarijiet li jgħaddu minnhom.”
Ġaladarba jintagħżlu n-nies, jingħata bidu għal reklutaġġ ta’ erba’ xhur li jinkludi taħriġ intensiv.
“L-iktar ħaġa importanti ovvjament li jkollhom id-dixxiplina għaliex wieħed irid jobdi l-ordnijiet tal-uffiċjal tiegħu għaliex aħna dejjem hemm ħajja jew mewt. Jekk inti tagħmel żball, iċ-ċans huwa li tmut int u toqtol lil sħabek ukoll allura dan it-training jikkonsisti f’dan kollu.”
F’dan il-jum, ONE News jieħu l-opportunità li jirringrazzja lill-uffiċjali kollha fi ħdan id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili tal-ħidma tagħhom, u b’mod speċjali lil dawk li kienu preżenti u assistew f’dan l-eżerċizzju lill-crew tagħna, li tefa’ aktar dawl fuq is-sitwazzjonijiet xejn faċli li jaffaċċjaw dawn l-uffiċjali fuq bażi regolari, u li ħafna drabi, jirriskjaw ħajjithom biex isalvaw tal-oħrajn.