Ix-xahar ta’ Frar qabeż l-aspettattivi kollha u wera r-reżiljenza tas-suq tal-proprjetà f’pajjiżna.
Dan intqal fi stqarrija mill-Assoċjazzjoni Maltija tal-Iżvilluppaturi, l-MDA.
Minn dawn iċ-ċifri ħareġ li, fl-ewwel xahrejn ta’ din is-sena, kien hemm żieda ta’ aktar minn €153 miljun, meta mqabbel mal-ewwel xahrejn tas-sena l-oħra.
L-istqarrija nnutat li fi Frar kien hemm żieda kbira ta’ 29 fil-mija fil-konvenji, meta mqabbel ma’ Frar tas-sena l-oħra.
Minn dawn iċ-ċifri tal-MDA ħareġ li fi Frar li għadda kien hemm żieda ta’ €85 miljun, meta mqabbel ma’ Frar tal-2022.
F’din l-istqarrija, l-Assoċjazzjoni Maltija tal-Iżviluppaturi qalet li dawn iċ-ċifri juru l-fiduċja li għandhom il-Maltin u l-investituri fis-suq tal-proprjetà u r-reżiljenza tas-settur minkejja l-isfidi internazzjonali bla preċedent.
L-MDA qalet ukoll li l-proprjetà f’Malta se tibqa’ l-aqwa opportunità ta’ investiment għal dawk li jfittxu li jinvestu f’suq stabbli u li sejjer tajjeb.