Iċ-ċifri ppubblikati t-Tnejn mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, l-NSO, juru li s-sena l-oħra l-ekonomija Maltija mhux biss kibret bi kważi 7 fil-mija meta mqabbel mal-elfejn wieħed u għoxrin, iżda kibret b’rata li hija d-doppju ta’ dak fiż-Żona tal-Ewro.
F’termini ta’ flus, dan it-tkabbir fl-ekonomija ta’ pajjiżna jammonta għal kważi biljun ewro.
Id-Deputat Dekan tal-Fakultà tal-Ekonomija tal-Università ta’ Malta, il-Professur Philip Von Brockdorff, spjega ma’ One News li dawn ir-riżultati seħħew minkejja l-isfidi internazzjonali li ddominaw tul l-2022, fosthom, fil-bidu tagħha, il-pandemija u r-restrizzjonijiet li ġabet magħha, u aktar tard il-gwerra fl-Ukrajna li għadha tiddomina sal-lum.
“Meta tqis li qegħdin f’sitwazzjoni ta’ kriżi u għandek pajjiżi bħall-Ġermanja li daħlu f’ reċessjoni, naħseb li din iċ-ċifra hija impressjonanti ħafna. Hija dovuta, ovvjament, għal diversi fatturi fosthom it-tkabbir ekonomiku li qed naraw fis-settur ta’ sevrizzi.”
L-ekonomista spjega li ż-żieda fis-settur tas-servizzi kienet ikkaratterizzata minn kontribuzzjonijiet b’saħħithom f’numru ta’ setturi.
Ewlenin fosthom kienu dawk tal-akkomodazzjoni u tas-servizzi b’rabta mal-ikel, li ammontaw għal aktar minn tmenin fil-mija tal-kontribuzzjonijiet.
“Dawn huma ċifri li jutu li hemm fiduċja fl-ekonomija tagħna, u ovvjament naraw li l-investiment huwa fl-livell b’saħħtu u anke l-livell ta’ konsum huwa wieħed b’saħħtu ukoll.”
Il-Professur Von Brockdorff attribwixxa t-tkabbir ekonomiku f’Malta għar-reżiljenza tal-ekonomija u l-miżuri li ħa l-gvern Malti.
“Hemm ċerti inċentivi, anke mill-Malta Enterprise, li jattiraw ċertu investiment lejn pajjiżna. Dak huwa, naħseb, importanti ħafna, imma wkoll naraw ċerta stabbilità ekonomika u finanzjarja fl-ekonomija tagħna, li tgħin ukoll biex iġġib l-investiment.”