Il-Kulleġġ Malti tal-Arti, Xjenza u Teknoloġija (MCAST) kiseb il-Marka Nazzjonali tal-Ugwaljanza, ċertifikazzjoni mogħtija lil entitajiet li juru impenn li jrawmu ambjent inklużiv u ambjent tax-xogħol akkoljenti għal nies ta’ kull sfond u ġeneru. Il-Kulleġġ huwa l-ewwel istituzzjoni edukattiva post-sekondarja biex tikseb il-Marka tal-Ugwaljanza.
It-tħabbira saret waqt attività fl-1 ta’ Marzu 2023. Kull sena f’dan il-jum, il-komunità internazzjonali tiċċelebra jum kontra d-diskriminazzjoni. Primarjament iċċelebrat mill-Nazzjonijiet Magħquda flimkien ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali oħra, il-ġurnata għandha l-intenzjoni li tqajjem kuxjenza dwar l-importanza li jintemmu kull forma ta’ inugwaljanza u diskriminazzjoni.
Il-Kulleġġ ilu jaħdem b’mod attiv lejn din iċ-ċertifikazzjoni mogħtija mil-Kummissjoni Nazzjonali għall-Promozzjoni tal-Ugwaljanza (NCPE). B’ċelebrazzjoni ta’ dan it-tragward importanti, l-MCAST organizza panel ta’ diskussjoni b’taħlita ta’
rappreżentanti tal-istudenti u tal-ħaddiema mill-komunità tal-Kulleġġ.
Barra minn hekk, il-Kulleġġ ħareġ l-ewwel edizzjoni ta’ ktieb-gwida dwar Lingwa Inklużiva.