Hekk kif il-kriżi tal-enerġija fir-Renju Unit qed tkompli tgħolli rasha, il-BBC ħabbar li l-kontijiet tad-dawl mistennija jerġgħu jogħlew b’mod konsiderevoli wara li se titnaqqas l-għajnuna li kien qed jagħti l-Gvern.
Minn stħarriġ li sar irriżulta li l-medja tal-kontijiet tal-enerġija, għal residenza tipika, mistenni li jibda jlaħħaq it-3,000 sterlina fis-sena mix-xahar ta’ April.
Fil-fatt, il-kumpaniji tal-enerġija bdew jinfurmaw lill-klijenti taghħom b’dan permezz ta’ ittri. Fl-istess waqt, il-gvern tar-Renju Unit qiegħed jerġa’ jirrevedi l-għajnuna li qed jagħti f’dan il-qasam, u dan mistenni jitfa’ aktar pressjoni fuq eluf ta’ familji.
Sa issa l-gvern tar-Renju Unit qiegħed jillimita l-kontijiet tal-enerġija sa 2,500 sterlina fis-sena għal kull dar, filwaqt li qed jagħti skont addizzjonali ta’ 400 sterlina fix-xitwa.
Madanakollu, din l-għajnuna kif mogħtija sa issa se tkun qed titnaqqas mill-1 ta’ April.
Sa issa l-Ministru tal-Finanzi, Jeremy Hunt, għadu ma stqarrx li l-gvern se jkun qiegħed jagħmel xi tibdil fl-għajnuna. Minkejja dan, l-esperti qegħdin jgħidu li aktarx il-Gvern se jkollu jibdel l-għajnuna biex jindirizza l-isfida dejjem tikber fil-qasam tal-enerġija.
Il-BBC qal li dan se jfisser li l-għadd ta’ dawk il-familji li qegħdin isibuha diffiċli biex iħallsu l-kontijiet tagħhom se jkun qiegħed jitla’ minn sitt miljuni u seba’ mitt elf familja għal madwar tmien miljuni u erba’ mitt elf familja.
Barra minn hekk, in-numru ta’ dawk li bħalissa m’humiex jaffordjaw li jsaħħnu djarhom bħalissa jammonta għal tliet miljuni u mitejn elf persuna, u hu mifhum li hemm ċans li dan in-numru jikber fil-ġimgħat li ġejjin.
Ritratt: Getty Images