Il-Pulizija Taljana arrestat tliet persuni fuq suspett ta’ traffikar tal-bnedmin, wara l-mewt ta’ minn tal-inqas 64 immigrant li kienu fuq dgħajsa li għerqet fl-ibħra viċin l-Italja l-Ħadd li għadda.
Il-persuni arrestati huma żewġ Pakistani u Tork.
Il-maġġoranza tal-immigranti fuq id-dgħajsa tal-injam; maħsuba li kienet qed iġġorr 200 persna, kienu mill-Afghanistan, mill-Pakistan, mis-Somalja, mis-Sirja, mill-Iraq u mill-Iran.
Uffiċjali qalu li n-numru ta’ fatalitajiet jista’ jitla għal aktar minn 100.
It-tlett irġiel arrestati qed jiġu akkużati li salpaw id-dgħajsa minn Izmir fit-Turkija għal Kalabrija fl-Italja, minkejja l-kundizzjonijiet ħżiena tat-temp.
Allegatament, huma talbu lill-immigranti jħallsu 8,000 ewro kull wieħed biex jagħmlu dan il-vjaġġ twil.
Id-dgħajsa għerqet wara li ħabtet mal-blat f’baħar qawwi, qabel ma ppruvat issorġi viċin Crotone.
It-twiebet tal-vittmi qegħdin f’sala tal-isport fi Crotone. Twiebet bojod għall-vittmi tfal u trabi, u oħrajn kannella għall-adulti.