Abdallah Al Badr, Sirjan ta’ 27 sena ngħata l-ħelsien mill-arrest wara li s-Sibt inqabad b’aktar minn 40 pakketti żgħar tad-droga kokaina u eroina, żewġ mobiles u €850 ewro fi flus kontanti.
Huwa tressaq il-Qorti quddiem il-Maġistrat Victor Axiak aktar kmieni llum.
Il-Prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispettur Ritienne Gauci spjegat kif meta l-imputat twaqqaf bil-karozza nstab li huwa kellu l-liċenzja skaduta filwaqt li ma kienx kopert b’polza tal-assigurazzjoni.
L-imputat wieġeb mhux ħati għall-akkużi fil-konfront tiegħu.
Hekk kif il-Prosekuzzjoni kkonċediet li l-provi b’rabta mal-każ huma preservati mill-inkjesta maġisterjali, it-talba għall-ħelsien mill-arrest intlaqgħet.
Al Badr ġie ordnat jiffirma darbtejn fil-ġimgħa filwaqt li jinġabar f’daru fil-ħin stipulat.
Il-ħelsien mill-arrest ngħata fuq depożitu ta’ €500 u garanzija personali ta’ €5,000.