Uffiċjali tal-Pulizija waqqfu raġel milli jagħti daqqiet ta’ sikkina lil huh waqt ġlieda u li warajha nstab bil-kannabis fuqu u fir-residenza tiegħu.
Dan id-dettall ħareġ aktar kmieni llum hekk kif quddiem il-Qorti tressaq Jeffrey Schembri miż-Żejtun, akkużat li attakka lil ħuh, li għeddu, u li kkawżalu biża’ u li se tintuża vjolenza fuqu.
Ir-raġel ta’ 35 sena kien akkużat ukoll li ġarr fuqu sikkina mingħajr permess tal-Pulizija u li kiser il-paċi pubblika. Dan filwaqt li l-akkużi fil-konfront tiegħu inkludew ukoll li kkultiva pjanti tal-kannabis b’mod illegali u li kien riċediv.
Fil-Qorti, il-Prosekuzzjoni spjegat kif il-Pulizija daħlu fil-każ wara li ġew mgħajjta fuq ġlieda li kienet għaddejja bejn l-imputat u ħuh fuq kwistjoni ta’ wirt.
Wara li l-imputat ġie arrestat, intqal kif fuqu nstabu 28 gramma kannabis filwaqt li fir-residenza tiegħu instabu 14-il pjanta tal-kannabis.
Filwaqt li l-imputat wieġeb mhux ħati it-talba għall-ħelsien mill-arrest fil-konfront tiegħu ma ntlaqgħetx.