Il-Kumitat Olimpiku Malti u l-Kumitat Organizzattiv tal-Logħob tal-Pajjizi ż-Żgħar tal-Ewropa tal-2023 żvelaw is-sit elettroniku uffiċjali tal-Logħob, 90 jum qabel iċ-ċerimonja tal-ftuħ f’Mejju.
Żviluppat minn The Concept Stadium, id-dehra tal-websajt hija konformi mal-identità viżwali tal-logo tal-Logħob imnedija fl-2022. Is-sit ġie mfassal biex jkun kompattibli fuq varjetà ta’ apparati elettroniċi.
“Meta konna f’diskussjonijiet ma’ kumpaniji li kienu qedin jipproponu s-servizzi tagħhom, waħda mill-affarijiet li spikkaw mill-iżviluppaturi ta’ din il-websajt, The Concept Stadium, kienet il-fatt li wieħed mill-fundaturi tiegħu – il-mibki Jonathan Chetcuti, kien irrappreżenta lil Malta tliet darbiet f’dawn il-Logħob tal-GSSE, bħala parti mit-tim tal-volleyball.” spjega Paul Sultana, Viċi President tal-Kumitat Olimpiku Malti u Chef de Mission ta’ dawn il-Logħob.
“Hemm ħafna entużjażmu għal din il-websajt hekk kif qed noqorbu lejn iċ-ċerimonja tal-ftuħ”
L-ewwel fażi tal-websajt, tikkonsisti f’informazzjoni ġenerika dwar il-Logħob, Malta u l-aħħar aġġornamenti tal-aħbarijiet, ritratti u filmati, filwaqt li żviluppi oħra fil-websajt bħal dettalji ta’ Team Malta, informazzjoni dwar kontinġenti internazzjonali, skeda tal-avvenimenti, riżultati u tabelli tal-midalji se jiġu mxerrda f’fażijiet differenti.
“Li jkollok preżenza diġitali huwa importanti biex jiġi żgurat li l-informazzjoni tkun disponibbli faċilment. Hekk kif qedin inniedu l-ewwel fażi tal-websajt, qedin nippreparaw għal żviluppi oħra biex titjieb l-esperjenza.” irrimarkat Maria Vella-Galea, Direttur tal-Midja u PR tal-Kumitat Olimpiku Malti u l-Kumitat Organizzattiv tal-Logħob.
Il-Kumitat qal li l-websajt se ssir il-pjattaforma primarja għal kull min hu interessat fil-Logħob tal-2023 u se tkun il-qalb diġitali li tħabbat l-enerġija u l-emozzjonijiet tal-Logħob, kemm fil-ġimgħat ta’qabel, kif ukoll fil-ġimgħa attwali tal-Logħob, b’informazzjoni aġġornata u faċilment disponibbli.
Mark Cutajar, iċ-Ċermen tal-Kumitat Organizzattiv Lokali, esprima s-sodisfazzjon tiegħu għal kif il-kumitat organizzattiv ingħaqad flimkien, u ġabar diversi oqsma ta’ kompetenza li flimkien ser jgħaqdu l-elementi varji li r-riżultat aħħari tagħhom jkunu l-Logħob.
Il-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima fisser l-okkażjoni tal-lum bħala waħda li tgħaqqad il-komunità sportiva mal-poplu Malti kollu. “Huwa kruċjali li bħala pajjiż nippreparaw bis-sħiħ u nassiguraw li dawn il-logħob ikunu avveniment tal-poplu Malti u Għawdxi kollu”, qal il-Ministru Grima. “Illum huwa pass ieħor f’dan il-perkors fejn ġiet varata l-ewwel fażi tas-sit li se jkun qed juri ir-riżultati live waqt il-logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar f’Mejju li ġej”, sostna l-Ministru Grima.
Preżenti għat-tnedija kien hemm ukoll il-President tal-Kumitat Olimpiku Malti s-Sur Julian Pace Bonello u l-Kap tal-Iskola Nazzjonali tal-Isport is-Sur Robert Magro. Il-Kumitat Organizzattiv Lokali tal-GSSE rringrazzja lill-Iskola Nazzjonali tal-Isport tal-ospitalita tagħhom.
Is-sit elettroniku tal-Logħob jista’ jiġi aċċessat fuq https://gssemalta2023.mt/
Il-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar tal-Ewropa huma appoġġjati minn SportMalta, NDSF, Welbee’s Supermarket, National Lottery, MITA, General Soft Drinks, Visit Malta, European Olympic Committees, Go, Enemed u BOV.