Il-ħidma tal-Gvern għal aktar titjib fil-qasam sportiv, partikolarment fid-dawl tal-Logħob tal-Pajjiżi Żgħar li se jsir f’pajjiżna bejn Mejju u Ġunju li ġej, ma tiqafx. Il-pjan li nħadem biex ikopri erba’ snin se jkun qed jara investiment ta’ sittin miljun ewro fil-faċilitajiet sportivi. Dan qed isir bħala parti mill-viżjoni tal-Gvern għal dan is-settur.
Dan ħareġ minn tweġiba li l-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, Clifton Grima, ta fil-Parlament għal mistoqsija li saritlu dwar kif intużaw is-sittin miljun ewro u fuqiex intużaw.
Il-Ministru Grima qal li dan il-Gvern investa fil-faċilitajiet sportivi mhux biss għal-Logħob tal-Pajjiżi Żgħar iżda anke biex dan il-Logħob iħalli legat lil kull sport ieħor.
Spjega li kull faċilità se tintuża biex l-isportivi u l-atleti ta’ pajjiżna jkollhom faċilitajiet fuq livell internazzjonali fejn jitħarrġu u jipprattikaw l-isport tagħhom. Qal ukoll li dan huwa pjan li nħadem fuq erba snin iżda li se jibqa’ għaddej.
Fost l-investiment li sar, issemmew għadd ta’ faċilitajiet fosthom il-Matthew Micallef Athletics Stadium fil-Marsa, il-Padiljun tal-Basketball f’Ta’ Qali, il-Pixxina tas-Sirens, u x-Shooting Range f’Ta’ Kandja.
Intqal ukoll li l-investiment kien jinkludi wkoll titjib fil-Kumpless Sportiv f’Ħal Kirkop, fil-Pixxina Nazzjonali f’Tal-Qroqq, u fil-Kumpless Sportiv f’Għawdex.
Sar ukoll investiment fil-Pixxina ta’ daqs Olimpiku fil-Kottonera, fil-Padiljun tal-Ġinnastika tal-Marsa, fil-Padiljun tal-Isquash u l-Weightlifting fil-Marsa, u f’dak tal-Handball, flimkien ma’ investiment fil-Kumpless Sportiv f’Maria Assunta u fiċ-Ċentru tat-Tennis f’Pembroke.
Dawn il-proġetti kollha jikkumplimentaw l-għajnuna rekord li ta l-Gvern lill-atleti Maltin kollha biex jippreparaw b’mod tekniku għal dan il-logħob. Fost l-oħrajn, din l-għajnuna jitinkludi t-tnejn punt seba’ miljun ewro f’assistenza diretta għal erba’ snin minn SportMalta, u l-ħames miljun ewro min-National Development and Social Fund għal Sport Malta sabiex atleti Maltin iħejju ruħhom għal-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar ta’ din is-sena.