Il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela kellu messaġġ ta’ fiduċja fil-poplu hekk kif bħalissa l-Gvern qiegħed jagħti l-għajnuna tiegħu biex jittaffew l-isfidi li kull pajjiż qiegħed jaffaċċja.
Fl-attività politika tal-Ħadd fiċ-Ċentru Laburista ta’ Ħal-Għaxaq, Dr Abela aċċenna għal dak li pajjiżna qed jesperjenza ekonomikament kawża tal-gwerra fl-Ukrajna.
Quddiem dan kollu, l-Prim Ministru stqarr kif it-twemmin ta’ dan il-Gvern jikkaraterizza l-politika li jimxi biha.
“Propju f’dawn il-mumenti ta’ sfida fejn il-prinċipji tagħna, fejn it-twemmin tagħna joħroġ aktar bis-saħħa, it-twemmin li nagħtu prijorità lin-nies.”
Huwa spjega kif fi ftit taż-żmien wara li l-isfida tal-pandemija bdiet tbaxxi rasha, il-mexxejja Ewropej bdew jiddiskutu sfida oħra daqstant kbira fil-forma tal-gwerra fl-Ukrajna.
Filwaqt li reġa’ esprima l-opinjoni tiegħu biex tirrenja l-paċi, Dr Abela stqarr kif il-prijorità tibqa’ li l-Gvern għandu jieħu ħsieb lin-nies.
“U d-domanda oħra li ħarġet f’dawn id-diskussjonijiet kienet, “Nafu kemm il-Gvern qiegħed jgħin, imma jekk is-sitwazzjoni tieħu fit-tul, il-Gvern huwa f’qagħda li jibqa’ jgħin b’dan il-mod tant b’saħħtu?” Ir-risposta konsistenti u b’kunfidenza illi tajt dakinhar kienet li se nibqgħu nagħtu prijorità lin-nies u li se nibqgħu ngħinu lin-nies.”
Dr Abela elenka l-erba’ deċiżjonijiet importanti li ttieħdu fl-aħħar sena biex il-poplu jkun mgħejun quddiem dawn l-isfidi.
“Tajna stabbiltà fil-prezzijiet tal-enerġija, tajna stabbiltà fil-prezzijiet tal-fuels, għinna fil-prezzijiet tal-qmuħ u tal-ġwież u daħħalna wkoll mekkaniżmu addizzjonali biex jagħmel tajjeb għal għoli tal-ħajja. Dawn kollha kienu mmirati biex jilqgħu kemm jista’ jkun għall-impatt negattiv li ħalliet il-gwerra.”
Din l-għajnuna kienet innutata wkoll fi statistika li ħarġet aktar kmieni din il-ġimgħa.
“Reġa’ kellna statistika li kienet waħda li hija importanti ħafna u li turi kemm dawn il-miżuri ta’ sapport magħdudin flimkien qed iħallu l-effett illi huwa meħtieġ. Pajjiżna għandu waħda mill-inqas rati ta’ inflazzjoni fl-Unjoni Ewropea kollha.”
Dr Abela temm id-diskors tiegħu billi sostna li jkunu xi jkunu l-isfidi, pajjiżna jista’ jgħelibhom.
“Kellna sfidi kbar għelibniehom kollha, fdajtuni biex it-tajjeb nibnu fuqu u hekk sejrin nagħmlu u se nibqgħu nagħmlu dan fi żmien li ġej għaliex dan huwa pajjiż mimli potenzjal, dan pajjiż fejn irridu li kulħadd jilħaq l-aspirazzjonijiet tiegħu. Dan pajjiż sabiħ li għandna fiduċja sħiħa fih.”