Mosta xejn ma tħabtu biex kisbu l-passaġġ għas-semi-finali tal-IZIBET FA Trophy meta għelbu l-isfida ta’ San Ġwann bl-iskor kbir ta’ 5-0, bl-eroj assolut għalihom ikun il-player Ferebory Dare, li rreġistra hat-trick personali.
Kienu Mosta li ħolqu l-ewwel periklu fit-18-il minuta meta l-ewwel Michael Chidera Okoh kellu x-xutt tiegħu mblukkat mid-difiża ta’ San Ġwann biex mir-rebound Kaishu Yamazaki minn pożizzjoni ideali ħareġ l-aħjar tal-goalkeeper ta’ San Ġwann, Jake Pisani, li salva bi bravura.
Huma komplew fuq l-offensiva u fis-26 minuta fetħu l-iskor permezz ta’ xutt b’saħħtu minn ġol-kaxxa ta’ Michael Chidera Okoh li ma ta l-ebda ċans lil Jake Pisani, bil-ballun jiġi devjat minn player ta’ San Ġwann, qabel intemm ġewwa.
Kulma jmur kompla d-dominju assolut tal-Blues u erba’ minuti wara, huma appellaw għall-penalty meta l-awtur tal-ewwel goal Michael Chidera Okoh deher jitwaqqa’ minn player avversarju fil-kaxxa iżda r-referee Darryl Agius ħalla l-logħob għaddej u ssenjala corner.
Fit-32 minuta, Mosta, rduppjaw l-iskor meta Clayton Failla indirizza kross pinġut li sab lil Ferebory Dore li permezz ta’ daqqa ta’ ras mill-viċin irnexxielu jsib ix-xibka.
U jidher li Mosta ma kinux kuntenti biżżejjed b’dan l-iskor hekk kif ħames minuti wara, għamluhom tlieta meta wara li rċieva minn cross perfett ieħor, Ferebory Dore, minn taħt il-lasta tefa’ ġewwa.
Fil-ftuħ tat-tieni taqsima, Mosta, komplew fejn ħallew fl-ewwel waħda u fil-55 minuta skorjaw ir-raba’ goal meta Ferebory Dore minn qagħda ideali u b’xamma kbira għall-goal tefa’ l-ballun wara Pisani.
Mosta ssiġillaw ir-rebħa permezz tal-ħames goal fid-79 minuta permezz ta’ xutt b’saħħtu minn ġol-kaxxa ta’ Christ Ememe li ma ta l-ebda ċans lil Pisani.
Huma komplew jamministraw il-vantaġġ komdu ta’ ħames goals li kellhom sa tmiem il-partita.