Il-Maratona ta’ Malta irritornat bil-kbir il-Ħadd filgħodu hekk kif inkissru żewġ rekords importanti.
Il-marokkin Redouan Nouini rebaħ l-edizzjoni ta’ din is-sena tal-Maratona ta’ Malta li saret il-Ħadd filgħodu. Huwa saħansitra kiser ir-rekord tal-korsa meta rnexxielu jidħol l-ewwel f’2:13:17. Ir-rekord ta’ qabel kien f’idejn il-marokkin Mohammed Hajjy li fl-2013 kien ħareġ rebbieħ f’ħin ta’ 2:16:06.
Miksur ukoll ir-rekord tal-Maratona tan-Nisa wara 29 sena. L-ingliża Jemina Farley daħlet l-ewwel f’ħin ta’ 2:36:50 biex b’hekk hija kisret ir-rekord preċedenti li kien ta’ 2:40:28 imwaqqaf minn Carolyn Hunter Rowe fl-1994.
Min-naħa l-oħra kien hemm suċċess malti fin-Nofs Maratona hekk kif Luke Micallef rebaħ dik tal-Irġiel filwaqt li Lisa Beżżina rebħet dik tan-Nisa.
Parteċipazzjoni sabiħa ta’ madwar 2,300 atleta minn 70 pajjiż differenti ħadu sehem fil-Maratona li kienet qed tirrtorna wara assenza ta’ sentejn minħabba il-pandemija.
It-tluq sar mill-Mdina filwaqt li spiċċat Tas-Sliema.
Maratona tal-Irġiel (42.195km)
Il-Maratona tal-Irġiel intrebħet mill-marokkin Redouan Nouini li daħal l-ewwel f’ħin ta’ 2hr 13sek 17. Huwa kien segwiet minn marokkin ieħor Hicham Boufars f’ħin ta’ 2hr 18sek 11. Fit-tielet post daħal l-atleta malti ta’ Evolve Endurance Andrew Grech b’ħin ta’ 2hr 31sek 41. Segwew żewġ maltin oħra, Christian Micallef (Evolve Endurance Club) u Stefan Azzopardi (Żurrieq Wolves).
Maratona tan-Nisa (42.195km)
Il-Maratona tan-Nisa intrebħet mill-atleta ingliża li pero tgħix f’Malta Jemina Fraley. Hija kellha ħin ta’ 2hr 36sek 50. Fit-tieni post daħlet il-maltija Josann Attard Pulis f’2hr 55sek 54. Attard Pulis kienet segwieta fit-tielet post minn maltija oħra, Dznitra Grech (Warehouse) b’ħin ta’ 3hr 11sek 16.
Nofs Maratona tal-Irġiel (21km)
Suċċess malti fin-Nofs Maratona tal-Irġiel hekk kif il-malti ta’ Pembroke Athleta Luke Micallef daħal l-ewwel f’ħin ta’ 1hr 06sek 55. Huwa kien segwiet minn żewġ atleti maltin oħra, Shaun Galea (Evolve Endurance Club) f’1hr 11sek 05 u Aaron Mifsud (Mellieħa AC) f’1hr 11sek 14.
Nofs Maratona tan-Nisa (21km)
L-atleta veterana maltija ta’ Pembroke Athleta Lisa Beżżina iddominat in-Nofs Maratona meta daħlet l-ewwel f’ħin ta’ 1hr 19sek 03. Hija kienet segwieta mill-ungeriża Edit Filo f’ 1hr 25sek 28 filwaqt li l-awstrijaka Sophia Moosbrugger daħlet it-tielet f’1hr 26sek 54, Segwew bosta atleti maltin: Abigail Borġ (The Club), Kimberly Gauci (Evolve Endurance Club) u Catherine Chetcuti (Mellieħa AC).