Terremot ta’ qawwa 5.3 fuq l-iskala richter heżżeż lit-Turkija, biex ingħaqad ma’ sensiela ta’ terremoti fl-aħħar ġimgħat li sa issa huwa stmat li ħallew ‘l fuq minn ħamsin elf persuna mejta, fit-Turkija u s-Sirja.
L-aħħar terremot li laqat lit-Turkija kien f’fond ta’ seba’ kilometri u laqat il-provinċja ta’ Nigde, madwar tliet mija u ħamsin kilometru lejn lvant tal-fruntiera bejn it-Turkija u s-Sirja.
Fortunatment sa issa għadhom ma ġewx irrappurtati imwiet b’rabta ma’ dan it-terremot.
Bħalissa t-Turkija qed taffaċċja kriżi ekonomika u soċjali wara li t-terremoti ħallew ‘l fuq minn mija u sebgħin elf binja bi ħsarat u aktar minn żewġ miljun persuna mingħajr saqaf fuq rashom skont ċifri mogħtija mill-gvern Tork.