Għada ssir il-Maratona ta’ Malta li se tkun qed tirritorna wara nuqqas ta’ sentejn. Filfatt l-aħħar Maratona li kienet saret kien ftit jiem qabel faqqgħet il-pandemija fis-sena 2020.
Hemm stennija kbira għar-ritorn ta’ dan l-avveniment hekk importanti tant li ntlaħqet il-mira ta’ 2,300 parteċipant reġistrat.
Il-Maratona tibda mill-Imdina u tispiċċa Tas-Sliema. Għal darb’oħra se jkun hemm tliet tiġrijiet, il-Maratona Prinċipali (42.195 km) li tibda fis-7 ta’ filgħodu, in-Nofs Maratona (21.1 Km.) li tibda fit-8:15 ta’ filgħodu u l-Walkathon (21.1 km) li tibda fit-8:15 ukoll.
L-atleti favoriti fl-edizzjoni ta’ din is-sena huma l-marokkini Hicham Boufars u Redouan Nouini.
Rigward atleti maltin insibu lil Andrew Grech u Josann Attard Pulis. Fin-Nofs Maratona se jkun hemm fost oħrajn Shaun Galea u Lisa Bezzina.
Fil-Maratona ta’ din is-sena se jkun hemm atleti ġejjien minn madwar 70 pajjiż differenti.
Il-pubbliku huwa mħeġġeġ sabiex tul il-ħinijiet tal-Maratona jikkopera mal-uffiċjali tat-traffiku għas-sigurta’ tal-parteċipanti.