Wara l-mewt tan-nutar Ivan Barbara, li seħħet fl-Indja fl-2021, l-armla tiegħu, Rosanne Barbara Zarb, kienet qalet li kienet taqsam id-dħul mill-konvenji man-nutar li kienet taħdem fl-uffiċċju tiegħu.
Aktar minn 20 klijent ressqu proċeduri ġudizzjarji kontriha sabiex jieħdu flushom lura, liema flus kienu jammontaw għal madwar €165,000.
Fil-Qorti, ippreseduta mill-Maġistrat Audrey Demicoli, xehdet in-nutara Katryna Spiteri Grech, li kienet taħdem fl-uffiċċju tan-Nutar Barbara.
Hija qalet li, wara l-mewt tan-nutar Barbara, bosta klijenti kienu mħassbin dwar flushom. Hi ħadet f’idejha l-fajls tiegħu wara li kkonsultat mal-Kunsill Notarili u ma’martu.
Hija qalet li tħallset għall-pubblikazzjoni ta’ konvenju u tat parti minnhom lill-armla, għax kienet talbet ħlas talli tatha l-fajl. Madankollu, qalet li ma tiftakarx kemm kien l-ammont.
Hija xehdet li l-armla kienet qaltilha li jekk riedet tuża l-fajls riedet tħallas kummissjoni ta’ bejn 40 u 60 fil-mija.
Mistoqsija kienx hemm xi ħaġa bil-miktub dwar il-ħlas, ix-xhud qalet li ma taħsibx, għax m’għadx għandha aċċess għall-email.
Xehdet li, meta l-uffiċċju beda jirċievi telefonati mingħand klijenti rrabjati, l-armla kienet qaltilha li ma kienx inħareġ iċ-ċertifikat tal-mewt u għalhekk il-kont tal-klijenti ma setax jiġi likwidat.
In-nutara qalet li l-klijenti kienu jintalbu jħallsu għat-tfittxijiet u spejjeż oħra li saru minkejja li ma tħallsux il-flus tal-konvenji.
Ix-xhieda se tkompli tinstema’ f’April.