Fil-ġimgħa li jiġi ċċelebrat il-Jum Dinji għall-Ġustizzja Soċjali, ittellgħet konferenza fil-Parlament Malti bis-sehem ta’ madwar tletin kelliem dwar il-qasam soċjali.
Matul il-konferenza, li kienet iddedikata lil żewġ persuni meqjusa tal-qalb li ħadmu qatigħ f’dan is-settur, Silvio Parnis u Robert Arrigo, tkellmu bosta persuni li jaħdmu fil-qasam tal-ġustizzja soċjali fosthom il-Professur Andrew Azzopardi, Dekan tal-Fakultà għat-Tisħiħ tas-Soċjetà tal-Università, Oliver Scicluna, Uffiċjal Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija Sapport, u Matthew Borg mill-Alleanza Kontra l-Faqar.
L-Ispeaker tal-Kamra tar-Rappreżentanti, Anġlu Farrugia, qal kif bħala pajjiż għandna tliet elementi li rridu nsegwu – l-obbligu lejn l-istat, ir-rispett u l-protezzjoni tal-persuna umana u l-ħidma tal-istat.
Spjega kif filwaqt li l-pajjiż jaħdem qatigħ biex ikompli jitjieb il-qasam soċjali, ma rridux ninsew dawk il-persuni li ġieli jispiċċaw marġinalizzati fis-soċjetà.
Il-Professur Andrew Azzopardi qal kif bħala pajjiż, għandna r-riżorsi u r-rieda, u filwaqt li mexjin fit-triq it-tajba, xorta fadal ħafna xi jsir fosthom dwar il-protezzjoni tal-ħaddiema, u kif għandu jinħoloq mudell ta’ welfare li joħloq inqas dipendenza.
Il-Ministru għall-Politika Soċjali, Michael Falzon, tkellem dwar il-qabża li saret fil-qasam tal-ġustizzja soċjali f’pajjiżna u semma kif il-Gvern qed jaħdem qatigħ biex ikompli jgħin lil min hu batut filwaqt li jsaħħaħ dan il-qasam bil-għan li jgħin aktar persuni fis-soċjetà.
Anki s-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali Andy Ellul qal li dan il-Gvern kien, għadu u se jibqa’ jagħti prijorità lill-qasam soċjali. “Aħna se nibqgħu ffukati sabiex inkomplu nimxu fit-triq it-tajba billi nibqgħu ninvestu r-riżorsi tagħna biex nibqgħu ngħinu lil dawk l-aktar fil-bżonn, niġġieldu l-esklużjoni soċjali, naraw li jkomplu jitnaqqsu l-inugwaljanzi u nibqgħu nipprovdu mezz t’għajxien aħjar għall-poplu Malti u Għawdxi,” qal Ellul.
Intant, fid-diskors tiegħu, l-Ispeaker Farrugia semma wkoll inġustizzji soċjali marbuta mal-abbuż tal-midja soċjali. Spjega kif kollha kemm aħna nafu vittmi tal-midja soċjali li spiċċaw tkissru kawża tagħha fejn filwaqt li kien hemm min kellu l-kuraġġ li jqum lura fuq siequ, kien hemm persuni li sfortunatament baqgħu taħtha.
Qal kif nafu wkoll kif kawża ta’ dan l-abbuż kien hemm ukoll suwiċidji li saru minħabba f’hekk u t-trawma li għaddew minnha tul is-snin, u għalekk l-użu ħażin tal-midja soċjali huwa mezz ieħor ta’ inġustizzja soċjali li wieħed irid jieħu ħsieb.