Waqt li qed titlaqqa’ l-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Magħquda, is-Segretarju Ġenerali tal-organizzazzjoni, Antonio Guterres ikkundanna bil-qawwa l-gwerra fl-Ukrajna.
Waqt l-Assemblea, ir-rappreżentanti tal-pajjiżi iddibattu dwar mozzjoni sabiex b’mod immedjat ir-Russja tirtira mill-Ukrajna.
Preżenti għal-laqgħa, l-ambaxxatur Russu għan-Nazzjonijiet Magħquda, qal kif l-Istati Uniti u l-alleati tagħha, permezz ta’ dan, qed jippruvaw joħolqu gwerra dinjija oħra, filwaqt li jibqgħu għaddejjin b’attakki lejn pajjiżu.
Kien kważi sena ilu meta Putin bagħat aktar minn mitejn elf suldat fl-Ukrajna, f’dik meqjusa bħala l-akbar invażjoni li rat l-Ewropa mindu t-Tieni Gwerra Dinjija.
S’issa l-gwerra ħalliet kważi 7,200 ċittadin mejjet u eluf oħra midruba, filwaqt li r-Russja u l-Ukrajna raw 100,000 suldat tagħhom jew maqtul jew midrub.
Aktar minn 13,000 persuna sfat refuġjata jew bla saqaf fuq rasha.
Sittin pajjiż, inkluż Malta, issaportjaw din il-mozzjoni, li primarjament tgħid li għandu jintlaħaq ftehim dwar il-paċi fl-Ukrajna u kif hemm imnaqqax fil-priniċpji tan-Nazzjonijiet Magħquda.
Il-vot fuq din il-mozzjoni, li mistennija tgħaddi b’maġġoranza, mistenni jittieħed fil-jum tal-Ħamis. Filwaqt li din il-mozzjoni mhux se tidħol fis-seħħ peremzz ta’ xi liġi, il-midja internazzjonali qalet kif xorta waħda ġġorr magħha responsabiltà politika.