Żona protetta magħrufa bħala Ta’ Dmejrek fis-Siġġiewi, se żżomm l-istat tagħha wara li l-Kunsill Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Ippjanar ma laqax talba biex din ma tibqax protetta.
Il-post inkwistjoni huwa skedat għax jagħmel parti minn żona ta’ Importanza Arkeoloġika tax-Xagħra ta’ Għar il-Kbir. Din il-biċċa art hija wkoll qrib żewġ siti arkeoloġiċi ta’ Klassi 1 skedati, jiġifieri, il-Clapham Junction Cart Ruts – l-aktar sett estensiv ta’ Cart Ruts fil-Gżejjer Maltin – u l-għerien ta’ Għar il-Kbir, li huwa magħmul minn kumpless ta’ għerien interkonnessi li kienu jintużaw bħala abitazzjoni saħansitra sas-seklu 19.
Din iż-żona ta’ Dmejrek fiha wkoll żewġ siti skedati fi Klassi B li jinkludu Oqbra Puniċi u Barrieri Antiki, li jkomplu jissottolinjaw il-valur storiku u kulturali tagħha.
Kieku ġiet aċċettata t-talba , dan kien ikun jfisser li l-protezzjoni taż-żona Ta’ Dmejrek bħala sit arkeoloġiku kienet tintilef darba għal dejjem, u din iż-żona kienet tkun suġġetta għal xi żvilupp fil-futur.
Din iż-żona hija Żona ta’ Importanza Arkeoloġika għax viċin tagħha hemm it-tempju meġalitiku ta’ Ħaġar Qim.
Din hija oħra minn sensiela ta’ deċiżjonijiet li bihom l-Awtorità tal-Ippjanar ipproteġiet żoni u bnadi ta’ importanza storika u kulturali permezz tad-deċiżjonijiet tagħha. Dawn kienu jinkludu t-tneħħija ta’ materjal mormi b’mod illegali bejn l-Imdina u l-Imtarfa, il-ħarsien ta’ Palazzina Vincenti f’San Ġiljan, ir-restawr ta’ gallariji tradizzjonali fl-inħawi ta’ Marsamxett, ir-rifjut ta’ proġett f’Ħondoq ir-Rummien, u l-protezzjoni ta’ residenza Barokka f’Bormla, fost l-oħrajn.
Intant, fuq id-deċiżjoni dwar Ta’ Dmejrek, is-Sindku tas-Siġġiewi, Dominic Grech, spjega li l-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi ħareġ b’vuċi waħda f’dan il-każ sabiex iwassal il-vuċi tiegħu kontra d-descheduling ta’ din iż-żona, sabiex jiġi ppreservat dan is-sit minn kull tip ta’ żvilupp fil-futur.
“Aħna, bħala kunsill lokali tas-Siġġiewi, kuntenti ħafna, proprju, bid-deċiżjoni tal-Kunsill Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Ippjanar, u dan ukoll bħala kunsill se nkomplu naħdmu biex, ovvjament, il-biċċa l-kbira rurali f’din iż-żona nkomplu nipproteġuha minn kull żvilupp li nemmnu li jista’ jkun ta’ dannu ambjentali. ”
Is-Sindku Grech spjega li, bħala Kunsill Lokali, se jibqgħu jaħdmu biex jitwettqu proġetti ta’ spazji miftuħa fis-Siġġiewi.
“Żoni bħal dawn huma imprezzabbli, kważi kważi mhux għas-Siġġiwin biss imma għall-Maltin kollha li jiġu jgawdu proprju dan is-sit tant sabiħ. Ovvjament, bħala Kunsill Lokali impenjati biex anke nkomplu naħdmu fuq proġetti li għandna bħalissa ta’ spazji miftuħa li huma intiżi biex il-familji Siġġiwin iqattgħu ħin ta’ kwalità flimkien.”