Matul il-jiem tal-karnival li għadu kif għadda, 60,337 persuna qasmu bejn Malta u Għawdex b’total ta’ 355 vjaġġ.
Il-Ġimgħa u s-Sibt kienu l-aktar jiem bieżla għall-Gozo Channel, fil-fatt, skont ċifri li għandu ONE News, 13,880 persuna qasmu nhar il-Ġimgħa li għadda filwaqt li s-Sibt l-amont ta’ persuni ammonta għal 12,341.
Dawn in-numri huma viċin ħafna tal-aħħar karnival li sar fl-2020 qabel ma’ faqqgħet il-pandemija.
Fil-fatt, din is-sena qasmu kważi 99 fil-mija ta’ dawk li qasmu fl-aħħar karnival qabel il-pandemija, fl-2020.
Iċ-ċifri juru wkoll li din is-sena kien hemm żieda ta’ sitta fil-mija meta mqabbel man-nies li qasmu bejn iż-żewġ gżejjer fil-karnival tal-2019.
Dwar dawn in-numri, ONE News tkellem mal-Kap Eżekuttiv tal-Assoċjazzjoni Għawdxija għat-Turiżmu, il-GTA, Joe Muscat, li qal li d-domanda għall-akkomodazzjoni fil-jiem tal-karnival dehret li kienet se tkun waħda qawwija sa minn ġimgħat qabel din il-festa ta’ kuluri u ċelebrazzjonijiet.
Is-Sur Muscat qal li l-Assoċjazzjoni nnotat wkoll ċerti xejriet matul il-jiem tal-karnival, bil-jiem l-aktar popolari fost il-ġenerazzjoni żagħżugħa jkunu dawk tal-Ġimgħa u s-Sibt, meta jkollok numru ta’ attivitajiet ta’ divertiment u parties. Żied jgħid li anke familji Maltin qed ifittxu l-karnival spontanju u popolari ta’ Għawdex.
“Ovvjament, il-ġranet l-oħra – nitkellmu dwar il-Ġimgħa, it-Tnejn, u t-Tlieta tal-Karnival, hemmhekk naraw pjuttost viżitaturi li jiġu b’mod speċjali minn Malta u huma ta’ età aktar avvanzata, u dan sabiex igawdu l-karnival li huwa aktar sinonimu: il-karnival spontanju li jsir fir-raħal tan-Nadur. Ovvjament, dan l-influss ta’ suq domestiku f’Għawdex jiġġenera attività ekonomika qawwija fil-gżira Għawdxija, mhux biss fis-settur tal-lukandi, imma anke wkoll fid-diversi setturi oħra bħalma huma tal-catering u l-entertainment.”
Ritratt: Anaca Photography