Ir-rata ta’ qgħad f’Malta niżlet għal 4.5% f’Diċembru 2016. Dan meta madwar iż-żona ewro l-qgħad ilaħħaq 9.6%, jew aktar mid-doppju tar-rata f’pajjiżna. Stqarrija maħruġa mill-Eurostat turi li b’hekk pajjiżna għandu t-tielet l-inqas rata ta’ qgħad madwar l-Unjoni Ewropea.
Ir-rata ta’ qgħad osservata f’Diċembru 2016 hija l-inqas rata ta’ qgħad f’Malta mindu bdiet tiġi ppublikata din l-istatistika mill-Eurostat. Din hija l-għaxar darba tul din il-leġislatura meta pajjiżna wasal għal rekord ġdid fir-rata baxxa ta’ qgħad.
Sa tmiem il-leġislatura li għaddiet, l-inqas rata ta’ qgħad kienet 6%. Taħt din l-amministrazzjoni dan ir-rekord inkiser għaxar darbiet konsekuttivi: tliet darbiet fl-2014, erba’ darbiet fl-2015, u tliet darbiet fl-2016.
Matul il-leġislatura preċedenti, bħala medja, ir-rata ta’ qgħad f’pajjiżna kienet tlaħħaq is-6.5%. Fi tmiem l-2009 kienet saħansitra ntlaħqet rata ta’ qgħad ta’ 7.3%. Lejlet l-aħħar budget tal-Gvern preċedenti, skont il-Eurostat, kien hemm 3,000 persuna bla xogħol iktar milli hawn illum.
Stqarrija tal-Gvern tispjega li l-fattur ewlieni wara t-tnaqqis fil-qgħad kien is-suċċess ta’ programmi biex aktar żgħażagħ jidħlu fid-dinja tax-xogħol, bħall-garanzija għaż-żgħażagħ li l-Kap tal-Oppożizzjoni kien isostni li hija ‘one big menace for our economy’.
Filwaqt li fil-leġislatura li għaddiet il-qgħad fost iż-żgħażagħ ġieli qabeż is-16%, skont il-Eurostat, pajjiżna llum għandu rata ferm inqas, 13%. Din hija fost l-inqas rati madwar l-Unjoni Ewropea.
Fi ftit aktar minn tliet snin pajjiżna kellu żieda fl-impjjegi iktar minn dik fit-tliet leġislaturi preċedenti meħuda flimkien. Filwaqt li l-Kap tal-Oppożizzjoni bassar rata ta’ qgħad ogħla minn 7%, il-Eurostat qed turi l-inqas rata ta’ qgħad fl-istorja ta’ pajjjżna, fejn in-numru ta’ nies jirreġistraw għall-ewwel darba naqas taħt it-3,000.
Fix-xhur li ġejjin il-Gvern ser ikompli bil-ġlieda kontra l-qgħad, biex il-ġid ikompli jitkattar u jasal għand kulħadd.