Is-sussidji tal-Gvern fil-prezzijiet tal-fjuwil u l-gass wasslu biex pajjiżna qiegħed igawdi minn ċertezza li qed tissarraf f’riżultat ekonomiku b’saħħtu.
Dan qalitu ma’ dan l-istazzjon l-ekonomista Stephanie Fabri, fid-dawl tal-istatistika pożittiva li ħarġet fil-jiem li għaddew mill- Uffiċċju tal-Istatistika tal-Unjoni Ewropea, l-Eurostat.
Fil-fatt, dan l-istħarriġ wera kif pajjiżna esperjenza l-akbar żieda fost il-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewroprea fejn jidħol il-bejgħ bl-imut matul ix-xahar ta’ Diċembru 2022 meta mqabbel ma’ Diċembru ta’ sena qabel.
Dr Fabri tat ħarsa lejn dak li sabet din l-istatistika.
“Meta nħarsu lejn l-average tal-Unjoni Ewropea, hemmhekk kien hemm tnaqqis fir-retail sales, però meta nħarsu lejn Malta u anki Spanja, pereżempju, kien hemm żieda.”
Fil-fatt, fl-Unjoni Ewropea l-bejgħ bl-imnut naqas bi 2.5% matul Diċembru 2022 meta mqabbel mal-istess xahar fl-2021.
Madanakollu, meta wieħed iħares lejn il-pajjiżi b’mod individwali jinnota kif pajjiżna kellu l-akbar żieda ta’ bejgħ ta’ dan it-tip b’5.7%. Ir-Rumanija u Spanja ġew wara pajjiżna, b’5.4% u 4.6% rispettivament.
Fl-istess waqt, pajjiiżi bħall-Belġju, id-Danimarka, u l-Iżvezja esperjenzaw l-akbar tnaqqis f’dan il-bejgħ meta mqabbel ma’ Diċembru 2021; tnaqqis li jisboq id-9% f’ċerti istanzi.
Intant, l-ekonomista Stephanie Fabri spjegat għaliex pajjiżi differenti raw tnaqqis f’dan it-tip ta’ bejgħ.
“Jekk inħarsu lejn l-Unjoni Ewropea, it-tnaqqis anki ġej minn inċertezza ta’ żidiet fil-prezzijiet illi raw diversi pajjiżi, anke inkluża Malta. Però, Malta, kif qed ngħidu tajjeb, rajna ż-żieda fir-retail, is-sales. Issa l-fatt illi kellna, eżempju, il-gass illi kien hemm is-sussidju, dak jgħin anke fiċ-ċertezza fl-ekonomija.”
Stephanie Fabri kompliet tispjega kif dan ġej minħabba l-fatt li l-andament ekonomiku huwa bbażat fuq l-aspettativa tal-poplu għall-ġejjieni.
B’hekk, il-miżura li ħa l-Gvern biex ma jħallix li l-pressjoni internazzjonali fuq il-prezzijiet tal-fjuwils u l-enerġija tgħaddi għand in-nies – miżura li hija smtata li se tkun qed tiswa ’l fuq minn ħames mitt miljun ewro matul din is-sena – kompliet żiediet iċ-ċertezza. Dan affettwa b’mod pożittiv il-konsum f’pajjiżna.
Dwar x’inhu l-effett tanġibbli tal-fatt li pajjiżna, għall-kuntrarju tal-maġġoranza tal-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea, ra din iż-żieda fil-bejgħ, Dr Fabri wieġbet hekk.
“Meta inti għandek żieda fil-bejgħ, ovvjament, inti għandek ir-rota ekonomika li dejjem qed iddur. Ma nistgħux naraw il-bejgħ waħdu però l-bejgħ inti miegħu għandek in-nies illi qegħdin jaħdmu. Jekk nieħdu s-supermarkets, in-nies li jaħdmu fis-supermarkets, in-negozjant, in-nies fil-ħwienet ,dawn kollha jkunu qegħdin igawdu minn żidiet f’dan il-bejgħ.”