Nicholas Zammit ta’ 62 ingħata sentenza ta’ 13-il xahar ħabs sospiżi għal sentejn wara li nstab ħati li inkoraġġixxa żewġ subien ta’ 12-il sena biex jagħmlu atti sesswali miegħu.
Zammit kien mixli li f’Settembru tal-2020 u f’okkażjonijiet oħra qabel, beżża’ liż-żewġ subien li se juża vjolenza kontrihom, li tahom fastidju, li talabhom favuri sesswali, li tkellem jew aġixxa b’mod sesswali fil-preżenza ta’ minuri, li ħebb għalihom u li heddidhom.
Tifel minnhom xehed li l-akkużat kien joqgħod ħdejh u spiss kienu jitkellmu fuq il-bankina. Xehed li r-raġel qallu li kien lest ilaqqgħu ma’ tfajla ta’ 16-il sena biex jagħmlu s-sess f’għalqa.
It-tifel l-ieħor xehed li r-raġel qabdu minn għonqu meta rrifjuta atti sesswali miegħu.
Meta l-Pulizija kellmet lill-akkużat, huwa ċaħad dak li qalu l-minuri.
Il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit sabet lil Nicholas Zammit ħati li talab liż-żewġ subien favuri sesswali, li qal kliem sesswali quddiemhom, li ħebb għal wieħed minnhom u li heddidhom.