Illum, il-21 ta’ Frar, huwa l-jum Dinji tan-Nazzjonijiet Uniti għal-Lingwi Materni, jum maħsub biex fih jiġu promossi l-preservazzjoni u protezzjoni tal-lingwi kollha.
F’din l-okkażjoni, il-portal internazzjonali tal-aħbarijiet Euronews għamel użu mill-aħħar dejta tal-Eurostat (2016) biex ta ħarsa lejn liema huma l-aktar pajjiżi Ewropej li n-nies tagħhom jitkellmu aktar minn lingwa waħda.
Minn dawn iċ-ċifri jirriżulta li Malta tinsab fost ta’ quddiem nett fost il-pajjiżi Ewropej kollha. Fil-fatt, madwar 91.8 fil-mija tal-popolazzjoni Maltija titkellem iktar minn lingwa waħda. Għalkemm il-maġġoranza tal-pajjiżi tan-Nofsinhar tal-Ewropa jbatu fil-bilingwiżmu, Malta hija eċċezzjoni hekk kif tinsab fost l-aqwa tmien pajjiżi. Qabel Malta jikklassifikaw biss l-Iżvezja, il-Latvija, id-Danimarka, il-Litwanja, il-Lussemburgu, il-Finlandja, u n-Norveġja.
Meta wieħed jikkumpara lill-Ewropej ma’ bnadi oħra tad-dinja, 65 fil-mija tal-Ewropej jitkellmu iktar minn lingwa waħda. B’kuntrast, 20 fil-mija biss tal-popolazzjoni Amerikana titkellem iktar minn lingwa waħda.
Il-pajjiżi Nordiċi huma fost l-aqwa bilingwisti, bl-Iżvezja tkun l-aqwa pajjiż b’96.6 fil-mija tal-popolazzjoni jitkellmu iktar minn lingwa waħda. Ir-Renju Unit huwa l-agħar pajjiż, b’34.6 fil-mija tal-popolazzjoni jitkellmu iktar minn lingwa waħda.
Rapport ta’ Luigi Sghendo
Ritratt: raisingchildren.net.au