Il-President ta’ Malta George Vella inawgura wirja bl-isem ‘Il-Malti: Il-Mixja sal-Għarfien Uffiċjali’, li qed tittella’ b’kollaborazzjoni bejn Heritage Malta u l-Akkademja tal-Malti fil-Mużew Nazzjonali tal-Arkeoloġija, il-Belt Valletta.
Imqassma fuq għaxar temi, il-wirja tkopri l-istorja tal-ilsien Malti mill-għeruq Semitiċi tiegħu sakemm fl-1964 ġie ddikjarat bħala l-ilsien nazzjonali ta’ Malta u fl-2004 bħala wieħed mill-ilsna uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Waqt l-inawgurazzjoni, il-President Vella appella għal aġġornament kontinwu li jirrispetta kemm l-għeruq kif ukoll l-istruttura u t-tħaddim tal-lingwa bil-għan li lsienna nżommuh ħaj u attiv.
“Hija ħasra li l-użu tal-Malti fostna qed jonqos,” stqarr il-President waqt li semma kif il-Malti qed jiġi mdakkar aktar minn qatt qabel minn elementi tal-lingwa Ingliża. Semma wkoll kif il-Malti qed jintilef bil-mod il-mod fost l-eluf ta’ Maltin li jgħixu barra minn Malta.
Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici qal li kull lingwa għandha karatteristiċi li jagħmluha unika u dawn irridu nippreservawhom bl-aħjar mod possibbli sabiex l-identità ta’ kull pajjiż inżommuha ħajja.
B’rabta ma’ din il-wirja, se ssir taħdita minn Dr Mario Cassar dwar l-ilsien Malti fi żmien l-Ordni (1530 – 1798) fil-Mużew Nazzjonali tal-Arkeoloġija nhar il-Ġimgħa li ġej fis-6.30pm.