Darko Tomseki, ta’ 46 sena, mill-Maċedonja ta’ Fuq, ingħata sentenza sospiża wara li seraq shaver tal-elettriku u ħames pari kalzetti minn stabbiliment f’ San Ġiljan.
Fil-Qorti, ippreseduta mill-Maġistrat Gabriella Vella, huwa qal li seraqhom biex ibigħhom ħalli jkollu flus għall-ikel.
Intqal kif huwa nqabad jisraq minn filmati tas-CCTV, u deher iġib ruħu b’mod suspettuż. Huwa kien qed joqgħod f’hostel, fejn instabu l-affarijiet misruqa, li aktar tard irritorna, ħlief għax-shaver għax kien biegħha.
L-avukat tiegħu qalet li hu kkopera mal-Pulizija u rritorna l-affarijiet misruqa. Barra minn hekk, huwa wera x-xewqa li jsib xogħol sabiex jikkumpensa lis-supermarket għal dak li ma rritornax. Din kienet l-ewwel darba li huwa xellef difrejh mal-ġustizzja.
Il-Qorti nnutat li huwa kien ammetta mill-ewwel, u li l-valur tal-oġġett misruq kien €60. B’hekk, tatu sentenza ta’ 3 xhur priġunerija, sospiża għal sena.