F’dawn l-aħħar ħames xhur l-investigazzjonijiet tal-Pulizija tal-Immigrazzjoni, immexxija mill-Ispettur Karl Roberts u minn uffiċjali tar-Reati Maġġuri mmexxija mill-Ispettur Lydon Zammit wasslu għall-arrest u l-prosekuzzjoni ta’ 12-il persuna li ġew akkużati li organizzaw, iffaċilitaw u assistew fi żbark ta’ immiranti llegali.
Il-każ tal-iżbark illegali seħħ f’Delimara fl-aħħar ta’ Settembru li għadda.
Minn dawn il-persuni hemm seba’ ta’ nazzjonalità Sirjana li ammettew quddiem il-Qrati l-involviment tagħhom fil-każ.
L-ewwel li ammetta kien Sirjan ta’ 50 sena li, f’seduta li seħħet bil-bibien magħluqa, ammetta l-akkużi miġjuba kontrih filwaqt li għadda l-informazzjoni b’rabta ma’ dan il-każ lill-investigaturi.
Wara kien ġie arrestat Eġizzjan, li ġie mixli li assista nies biex jidħlu Malta b’mod illegali billi saq il-luzzu li akkumpanja u ggwida d-dgħajsa li kienet qiegħda ġġorr l-immigranti sabiex tasal Malta min fuq bastiment kbir f’ibħra internazzjonali.
Kien hemm ukoll numru ta’ Sirjani oħra li ammettew li assistew lill-immigranti biex jaħarbu mix-xatt u tawhom kenn fi djarhom meta kienu jafu li kienu daħlu fil-pajjiż illegalment.
Roger Mangion, pensjonant, u Mohammed Derbel, jinsabu għadejjin bi proċeduri kriminali kontrihom b’rabta ma’ dan il-każ. Fil-Qorti nstema’ kif Derbel, Tuneżin ta’ 47 sena, allegatament daħħal grupp ta’ immigranti mingħajr l-ebda dokumenti permezz tal-luzzu li huwa rreġistrat fuq Mangion.
Instab ukoll li Derbel kien qed jirresjedi f’pajjiżna irregolarment u li l-passaport tiegħu kien ilu skadut sa mis-sena 2012. Fil-Qorti nstema’ wkoll kif, allegatament, it-Tuneżin kien ta indirizz ħażin lill-awtoritajiet Maltin. Filwaqt li kien iddikjara li jgħix f’Tas-Sliema l-appartament tiegħu kien jinsab Birkirkara.
Fl-aħħar jiem tressqu l-Qorti żewġ persuni oħra li ġew akkużati li ffaċilitaw l-immigrazzjoni illegali u ġew akkużati wkoll bi kriminalità organizzata.
Hamid Saleh, Sirjan ta’ 45 sena li jgħix il-Fgura u li huwa impjegat għal rasu, ġie akkużat li, bejn Awwissu u Ottubru li għadda, ikkoordina vjaġġ ta’ immigrazzjoni illegali li wassal biex għadd ta’ immigranti ddaħħlu Malta.
Miegħu tressaq Sirjan ieħor, li ġie mixli li mar jiġbor xi nies li waslu Malta b’mod illegali. Filwaqt li m’ammettiex għal dawn l-akkużi u talab għall-ħelsien mill-arrest, il-Qorti ċaħdet din it-talba u sostniet li ma tistax tgħaddi l-messaġġ li f’Malta jista’ jidħol kulħadd.