Il-grupp tal-hip hop Malti Kapitlu Tlettax għadu kemm ippubblika silta ġdida li ġġib l-isem Tibkix.
Din is-silta titkellem dwar l-addozzjoni u l-piż li ġġorr magħha. Il-lirika ta’ Joseph Mario Calleja titkellem fuq esperjenza personali, iżda tinkludi diversi referenzi li kulħadd possibilment jista’ japplika kemm għal ħajtu, kif ukoll għal ħajjet ħaddieħor.
Is-silta saret b’kollaborazzjoni ma’ Aleera de Lune, Patrick Gaffiero, Krista Bajada kif ukoll Maria Cini, vjolinista u kantanta.
Ir-rilaxx ta’ Tibkix huwa l-ewwel wieħed tas-sena 2023, u jiġi madwar xahar qabel il-parteċipazzjoni tagħhom fit-tielet edizzjoni ta’ Mużika Mużika, fejn għat-tieni sena konsekuttiva kwalifikaw bħala semifinailisti.
“L-imħabba li jiena sibt mingħand ommi b’mod partikolari kienet ir-raġuni li llum qiegħed hawn, naħdem fuq materjal oriġinali,” qal Joseph Mario Calleja filwaqt li jżid jgħid, “nittama li din is-silta tagħti wens lil dawk li qatt ħassewhom emarġinati għaliex huma addotati.”
Il-kanzunetta għandha produzzjoni ta’ Cyprian Cassar minn Somnio Recording Studios, bi promozzjoni t’Ironic PR & Artist Management.