In-nefqa sinifikanti tal-Gvern fil-qasam soċjali qed tħalli l-frott, tant li d-dipendenza soċjali u l-faqar estrem naqsu b’mod sinifikanti fl-aħħar għaxar snin.
Dan qalu s-Segretarju Permanenti fil-Ministeru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal, Mark Musù, waqt business breakfast li matulu ta ħarsa lejn ir-riżultati ta’ diversi miżuri soċjali li investa fihom il-Gvern.
Huwa nnota li dan l-investiment kellu riżultati ċari, u b’mod partikolari semma tliet miżuri li daħħal u saħħaħ il-Gvern; miżuri li kienu kruċjali fit-tnaqqis tal-għadd ta’ persuni dipendenti fuq il-benefiċċji soċjali. Dawn kienu ċ-childcare bla ħlas, l-in-work benefit, u t-tnaqqis gradwali tal-benefiċċji.
Is-Segretarju Permanenti stqarr li dawn il-miżuri, u ħafna iktar, wasslu għal bidliet kbar fil-ħajja ta’ eluf ta’ familji f’dawn l-aħħar għaxar snin.
“L-iskop ta’ dan kollu kien li jingħataw l-opportunitajiet – lil min jista’ jieħu l-opportunitajiet, naturalment – u fl-istess ħin tgħin ukoll lil dawk li, għal xi raġuni jew oħra, dawn l-opportunitajiet ma jistgħux jiħduhom minħabba, forsi, mard jew diżabilità. Anke hemm kien hemm diversi miżuri immirati proprju għal dawn il-persuni. Jiġifieri dan kollu jinkwadra ruħu f’soċjeà li tkun b’opportunitajiet indaqs għal kulħadd.”
Il-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal, Michael Falzon, qal li l-kunċett tal-ġustizzja soċjali jinbidel tul is-snin, u għalhekk il-ħidma sabiex is-soċjetà Maltija tkun waħda b’opportunitajiet ugwali għal kulħadd ma tieqaf qatt.
Il-business breakfast sar fil-preżenta tal-partijiet kollha li jaħdmu fil-qasam soċjali, u ġew diskussi diversi temi b’rabta ma’ dan il-qasam. Dawn it-temi kienu jinludu r-realtajiet soċjali u l-impatt tagħhom, u d-diversi għajnuniet soċjali għal dawk li huma fil-bżonn.
Il-Ministru nnota li n-nefqa sinifikanti tal-Ministeru tiegħu hija waħda mill-aktar forom ta’ investimenti kruċjali li jagħmel il-Gvern. Meta l-Gvern investa fil-poplu tiegħu, dan issarraf fi kwalità tal-ħajja ferm aħjar minn għaxar snin ilu.
Il-Ministru Falzon saħaq li, fil-qasam soċjali, il-Gvern u s-sħab soċjali ma jistgħux jibqgħu statiċi, u l-inklużjoni hija fiċ-ċentru tal-politika soċjali tal-Gvern.
“Il-ħidma soċjali ma tieqaf qatt għax anke l-istess bżonnijiet soċjali jinbidlu, u l-ġustizzja soċjali għandha tkun il-mira ta’ kull politiku ta’ kull Stat. Inħarsu ’l quddiem li nagħmlu aktar f’dan il-qasam, nirrealizzaw fejn għandna bżonn ninvestu aktar fin-nies, u fuq kollox naraw li kulħadd ikollu l-opportunità li jilħaq il-potenzjal kollu tiegħu.”