Kim Camilleri Laganà ingħatat l-unur tal-Atlas Atleta Żagħżugħa tax-Xahar għal Jannar. Hija rebħet għall-ewwel darba dan il-premju ta’ kull xahar, wara li kienet innominata Champion Ewropea taż-Żgħażagħ U-15 fl-2022 u f’Jannar ta’ din is-sena kkwalifikat b’suċċess għall-Kampjonati Dinjija taż-Żgħażagħ.
Il-weightlifter żagħżugħa li għad għandha 14-il sena, irnexxielha terfa’ t-total enormi ta’ 124 kilogramma fil-kategorija tal-45 kilogramma. Kim rnexxielha tagħmel it-tliet tentattivi ta’ snatch ta’ 51 kilogramma, 53 kilogramma u 54 kilogramma segwiti mill-ewwel żewġ tentattivi ta’ clean and jerk oħra b’suċċess ta’ 68 kilogramma u 70 kilogramma. Sfortunatament ma rnexxietx fit-tielet tentattiv tagħha wara li ppruvat rekord nazzjonali ġdid fil-clean and jerk għal din il-klassi ta’ piż ta’ 71 kilogramma. Camilleri Laganà mhux biss ikkwalifikat għall-akbar avveniment taż-żgħażagħ tas-sena, iżda żdiedet ukoll fir-rankings MWA internazzjonali fil kategorija platinum, livell li sa issa intlaħaq biss minn Tenihsia Thornton.
It-trofew tal-Atlas Atleta Żagħżugħa tax-Xahar għal Jannar 2022 flimkien mal-vawċer t’abbiljament sportiv abbinat ma’ dan il-premju ġew ippreżentati lil Kim Camilleri Laganà minn Robert Micallef, Uffiċjal Kap Kummerċjali u David Cassar Business Development u Maniġer tal-Marketing ta’ Atlas Insurance. F’isem l-Għaqda Ġurnalisti Sports kien hemm preżenti l-Amministratur Stephen Azzopardi.
Dan il-premju ta’ kull xahar jingħata b’inizjattiva konġunta tal-Għaqda Ġurnalisti Sports flimkien ma’ Atlas Insurance. Il-panel li jiġġudika r-rebbieħa ta’ dan il-premju jieħu nota tas-suċċessi miksuba matul dak ix-xahar u fl-istess ħin jistieden lill-assoċjazzjonijiet u federazzjonijiet sportivi sabiex jibagħtu n-nomini tagħhom. In-nominati li jiġu evalwati jridu jkunu taħt il-21 sena.
In-nominazzjonijiet għandhom jaslu b’imejl lil info@maltasportsjournalists.com. Ir-regolamenti ta’ dan l-unur jinsabu fuq is-sit elettroniku tal-Għaqda Ġurnalisti Sports li hu www.maltasportsjournalists.com.
Ritratt: Mix-xellug: Stephen Azzopardi, Amministratur (MSJA), Kim Camilleri Laganà, Robert Micallef, Uffiċjal Kap Kummerċjali (Atlas Insurance) David Cassar, Business Development Maniġer tal-Marketing (Atlas Insurance).