“Minkejja li ħafna jħarsu lejn l-ispeed cameras fit-toroq bħala xi ħaġa negattiva, dawn jistgħu jħallu ħafna ġid.”
Kliem il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija LESA, Svetlick Flores, f’intervista ma’ dan l-istazzjon żvela r-riżultati pożittivi li ħallew il-kameras ġodda li twaħħlu fl-aħħar snin fi Triq il-Kosta.
Qal, “L-aħħar kameras li twaħħlu mill-Aġenzija fi Triq il-Kosta rnexxielna li permezz tagħhom jitnaqqsu l-fatalitajiet u l-inċidenti. Fejn qabel kien ikollna kontinwament persuni li jweġġgħu b’vetturi varji, illum il-ġurnata nistgħu ngħidu li dak l-ammont niżel għal ammont inqas. Aħna għalina kull ħajja importanti. Allura, dak li nagħmlu naraw li nagħmluh, fl-aħħar mill-aħħar, għas-sigurtà u l-ħajja tal-bniedem.”
Fil-jiem li għaddew, fil-Parlament, il-Ministru responsabbli mill-Intern, Byron Camilleri, ippreżenta ċifri uffiċjali dwar iċ-ċitazzjonijiet li ħarġu lis-sewwieqa li qabżu l-limitu tal-veloċità f’żoni kkontrollati mill-ispeed cameras.
Fil-fatt, it-tabella turi kif tul is-sena 2022, minkejja s-sinjali u twissijiet li minn dejjem kienu hemm għall-ġid tas-sewwieqa u l-passiġġieri, xorta nħareġ għadd kbir ta’ taħrikiet għal dawk li nqabdu jsuqu sa jew b’aktar minn 15-il kilometru fis-siegħa aktar mil-limitu stipulat.
F’sena, l-aġenzija ħarġet aktar minn ħamsin elf taħrika mill-ispeed cameras. Triq il-Kosta rat l-aktar ksur ta’ kontravenzjonijiet b’rabta mal-veloċità, hekk kif il-ħames kameras ħarġu aktar minn ħmistax-il elf multa.
Svetlick Flores qal ukoll li, maż-żmien, l-uffiċjali tal-komunità nnutaw kif ir-rimi tal-iskart b’mod illegali wkoll żdied.
Qal, “Qed naraw li żdied l-użu tal-mowbajl, li tgħaddi minn fuq traffic lights fuq dawl aħmar, xufiera li ma jkunux fil-kontroll sħiħ tal-vettura, parking, u ksur ta’ ħafna regolamenti oħra. Jirrifletti wkoll fl-ambjent, ir-rimi tal-iskart b’mod abbużiv, għalkemm għandna diversi faċilitajiet b’xejn, u għandna nsibu lil min jarmi barra.”
Ta’ min isemmi li, fl-aħħar ġimgħat, il-Gvern issokta bil-ħidma favur aktar sigurtà fit-toroq tagħna. Filwaqt li l-kampanji ta’ tagħlim u informazzjoni se jiżdiedu, se jkun eħrex id-deterrent għal min iwettaq kontravenzjonijiet li studji juru li qed ikunu l-kaġun ta’ ħafna inċidenti.