F’Ġunju li ġej f’Malta se jsiru l-IPF Powerlifting World Championships li mistennija jġibu f’pajjiżna mal-500 atleta minn 60 pajjiż; bit-timijiet prinċipali se jkunu mill-Istati Uniti, Franza, ir-Renju Unit u l-Italja.
Dan l-avveniment se jixxandar fuq l-istazzjon sportiv popolari Eurosport li jleħħaq mat-300 miljun telespettatur, kif ukoll fuq stazzjonijiet tal-isport fl-Amerka t’Isfel, l-Asja u fuq il-mezzi soċjali.
F’konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo saħaq li dan il-kampjonat dinji se jservi bħala għodda b’saħħitha biex titjieb il-viżibilità ta’ Malta fuq il-mappa tad-dinja; filwaqt li se jiġġenera madwar 10,000 bed night fuq medda ta’ sebat iljieli.