B’investiment ta’ għaxar miljun ewro, fis-sentejn li ġejjin il-kumpanija Lotterija Nazzjonali se tkun qed tiftaħ 60 ħanut ġdid kif ukoll se tkun qed taġġorna dawk magħrufa bħala banek tal-lottu b’kunċetti ġodda għal-logħob tal-lotterija.
Dan l-investiment se jkun qed joħloq 200 impjieg.
Is-Sibt filgħodu, ġimgħa wara l-għeluq il-mitt sena mindu telgħat il-lotterija nazzjonali għall-ewwel darba, ġie inawgurat l-ewwel ħanut ta’ dan it-tip fil-Ħamrun.
L-Uffiċjal Għoli għan-National Lottery, Franco De Gabriele, qal li se jinfetħu 25 ħanut kull sitt xhur.
De Gabriele stqarr, “L-operat tal-Lotterija Nazzjonali aħna ridna li l-prodotti tal-Lotterija Nazzjonali jkunu aktar aċċessibbli għall-poplu u jkunu aktar aċċessibbli għall-pubbliku u li nagħtu lill-pubbliku l-aħjar teknoloġija possibbli biex ikunu jistgħu jużufrixxu minn dawn il-prodotti.”
Il-Ministru repsonsabbli mill-Ekonomija, Silvio Schembri, wera s-sodisfazzjon tiegħu għall-fatt li investituri lokali qed ikomplu jwessgħu l-operat tagħhom.
Il-Ministru Schembri qal. “Allura nistgħu naraw il-fiduċja li għandhom dawn l-investituri Maltin fl-ekonomija ta’ pajjiżna sabiex naraw li l-attività tkompli wkoll tifjorixxi u toħloq opportunitajiet anke b’mod responsabbli.”
Il-Ministru Schembri, li l-ġimgħa l-oħra żar il-fiera dwar il-gaming, ICE, innota wkoll kif dan is-settur qed ikompli jiddiversifika l-ekonomija lokali.
Hu spjega, “Issa bħala Gvern irridu naraw li nkomplu niddiversifikaw l-ekonomija tagħna billi noħolqu niċeċ ekonomiċi ġodda, kif diġà semmejna. Niċeċ li mhux bilfors huma direttament imħaddma l-istess bħall-gaming, imma li huma friegħi tagħhom ukoll bħall-video gaming development u l-esports; dawn huma żewġ setturi li qed jikbru ġewwa pajjiżna u allura l-intenzjoni tal-Gvern hi li nkomplu naraw li dawn ikomplu jifjorixxu.”